Saturday, October 26, 2024

Rapport li jifqa’ kull bużżieqa li pprovat tonfoħ l-Oppożizzjoni

Il-Prim Ministru jitkellem fil-Parlament dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet jifqa’ kull bużżieqa li pprovat tonfoħ l-Oppożizzjoni dwari u dwar il-Gvern immexxi minni. Għaliex meta jien f’din il-Kamra stess ftit tal-ġimgħat ilu għedt li rrid nitkellem bil-fatti u mhux bl-ispin, ir-rapport tal-Awditur Ġenerali juri li kien korrett dak li għedt jien u mhux dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.”

Kienet din l-ewwel reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela meta lejla kien qed jindirizza lill-Parlament dwar il-pubblikazzjoni tat-tielet parti tar-rapport tal-Awditur Ġenerali li tħares lejn il-bidla fil-kontroll tal-konċessjoni mill-Vitals Global Healthcare għal Steward Health Care u l-iżviluppi li seħħew wara.

Il-Prim Ministru beda biex innota li llum għandna Oppożizzjoni li ilha titkellem fuq is-suġġett ta’ Steward mill-24 ta’ Frar li għadda u wara li l-Gvern talab biex jiġi diskuss dan ir-rapport minnufih, l-Oppożizzjoni rrifjutat li tiddiskutih anzi sejħet għal konferenza stampa.

Qal li billi matul il-jum tat-Tlieta se jkun l-Iżlanda, huwa kien se jkun qed juża l-ħin tal-Gvern biex jiddiskuti dan is-suġġett. Iżda dlonk l-Oppożizzjoni bdiet tinterrompi lill-Prim Ministru u tgħidlu li kien ‘out of order’ billi fis-seduta kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Rizorsi.

Il-PM wieġeb li jifhem li r-rapport tal-Awditur Ġenerali m’għoġobhom xejn u ma jridux li jitkellem mal-poplu dwar il-verità. “Ma jistgħux jiżvijaw aktar għax dan id-dokument juri kemm dak li għedt jien għandu mis-sewwa.”

Kien hawn fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech akkuża lill-PM li kien qiegħed jigdeb lill-parlament u lill-poplu għax skontu dan ir-rapport kien kundanna oħra għalih u għall-Gvern Laburista.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia mbagħad talab lill-PM biex iżomm mas-suġġett u jkompli bid-diskussjoni. Il-Prim Ministru mbagħad qal li: “Nimmeravilja ruħi. Jekk huwa daqshekk konvint minn dak li qiegħed jgħid għala ma jridx jiddibatti? Jien qiegħed hawn u se niddibatti.”

Dr Abela qal li qegħdin nerġgħu naraw l-istess attitudni ta’ tfixkil u isteriżmu mill-Oppożizzjoni meta kienet saret diskussjoni oħra fuq dan is-suġġett tant li fl-aħħar tas-seduta bdew igaraw iċ-ċekkijiet foloz u telqu ‘l barra. Min-naħa l-oħra huwa qal li ċ-ċekkijiet ta’ vera dan il-Gvern tahom lill-poplu.

Huwa kompla jgħid li “r-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonferma dak li huwa kien qal dwar il-mod kif mexxa din il-kwistjoni mill-2020 ‘il quddiem. “Jagħti l-kuntest dwar kif b’kawża pendenti l-Qorti dwar il-konċessjoni u b’pandemija ma’ wiċċna tmien ġimgħat biss wara Jannar 2020, konna kostretti nżommu mal-kuntratt li kien hemm fis-seħħ anke biex ma niskattawx ċertu klawsoli favur Stewarrd filwaqt li komplejna nesploraw is-soluzzjonijiet. Ħadna stock take tal-ftehimiet eżistenti kollha. Bdejna nanalizzaw l-għażliet li kellna quddiemna dakinhar,” spjega l-Prim Ministru filwaqt li nnota kif l-Awditur Ġenerali jikkonferma li f’Jannar tal-2020 huwa kien ta sinjal ċar.

L-Awditur Ġenerali jgħid ukoll li kien hemm uffiċjali li ġibdulhom l-attenzjoni biex joqogħdu attenti minn klawsola li setgħet xeħtet piż ta’ €100 miljun fuq il-piż kieku ġie tterminat il-kuntratt ħesrem.

“Mix-xhieda kollha li sema’ l-Awditur Ġenerali, tant huwa indubitat li l-fatti kif dejjem spjegajthom jien huma l-verżjoni korretta u dak li xebgħet tallega l-Oppożizzjoni m’għandu xejn mis-sewwa li l-Awditur u t-tim tiegħu lanqas ħassew il-ħtieġa li jibagħtu għalija biex nixhed.”

Il-Prim Ministru spjega wkoll li t-triq legalment korretta kienet li l-pajjiż ma jdaħħluhx f’sogri li ma kienx jeħtieġ. Għażliet dwar kif il-ftehimiet li kien hemm fis-seħħ setgħu jitħaddmu aħjar għall-benefiċċju tan-nies. Dan kollu fil-parametri ta’ dak li kuntrattwalment kienu marbutin bih.

“Meta kellna proposti dwar il-mejda u saru diskussjonijiet kull darba, kull proposta li saret kienet analizzata bir-reqqa. Wara li sar dak il-proċess kollu d-deċiżjoni kienet li Steward kellha tonora l-kuntratt kif kien.”

Il-Prim Ministru żied jgħid li huwa ċar li fejn jidħol il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u huwa stess, ir-rapport joħloq distinzjoni ċara dwar il-mod kif ħadmu huma.

Fakkar ukoll kif il-Gvern kien ħa deċiżjoni li jieħu l-isptarijiet f’idejh, indipendentement mis-sentenza mogħtija fi Frar li għadda. “Konna ċari ħafna ma’ Steward li t-teħid tal-isptarijiet se jsir skont it-temrini tagħna u mhux skont it-termini li imponew Steward.”

“L-Oppożizzjoni pprovat tfixkel u tbeżża’. Aħna tajna garanzija li s-servizz mediku se jibqa’ għaddej u li l-ħaddiema jkollhom serħan il-moħħ mhux biss tax-xogħol iżda wkoll tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.”

“Qabbana wkoll l-aqwa tim legali. Daħħalna risposti għal kull wieħed mill-appelli li saru, li kienu b’saħħithom ħafna. Ktibt ukoll lill-Awditur Ġenerali biex jagħmel audit dettaljat fuq il-ħlasijiet li saru, fuq x’servizz u xi provvisti ngħataw lura minn Steward. Biex imbagħad skont l-eżitu tar-rapport nieħdu kull deċiżjoni li tista’ tkun meħtieġa li tħares l-interess tat-tax payer Malti,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Huwa kien ċar fi kliemu meta qal li dwar l-isptarijiet u l-bidla li jridu jġibu f’dan is-settur, ma’ Gvern immexxi minnu, il-poplu jaf fejn qiegħed.

“Se nibqgħu naħdmu biex il-viżjoni li fuqha fdana il-poplu nimplimentawha. Hi viżjoni li tibni fuq il-ħajja tajjeb li sar f’dan l-aħħar snin u se ntejbu fejn meħtieġ. Hemm ukoll fejn irridu nagħmlu differenti u bdejna nagħmlu dan. Għal li ġej irridu nibqgħu ninvestu fis-settur tas-saħħa, fis-servizzi fil-bereġ, fi proġetti speċjalizzati u f’appart mediku mill-aqwa.”

“Niftaħru li għaddejjna mill-aktar mument diffiċli minn aspett ta’ saħħa u għaddejna minn pandemija b’suċċess. Iżda r-realtà hi li l-pandemija mhux biss dakinhar imma poġġiet ċertu sfidi fuq is-settur mediku li rridu u sejrin negħlbuhom biex pajjiżna jibqa’ fuq quddiem nett tas-servizz mediku li joffri. Servizz bla ħlas, effiċjenti, li jkompli jinfirex f’oqsma oħra u differenti. Dan hu gvern li jagħti kelma u jżommha u hekk se jagħmel fuq dan is-settur ukoll,” tenna jgħid il-Prim Ministru.

Sport