Saturday, October 26, 2024

“Rapport li jindika li l-pagi jridu jiżdiedu”

L-Analista finanzjarju Steve Ellul jisħaq dwar il-bżonn li ma nitilfux studenti interessati fix-xogħol tal-id

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Rapport tajjeb ħafna fejn għall-ewwel darba f’dan il-pajjiż għandna valur ta’ kemm individwu jew familji għandhom bżonn flus biex jgħixu ħajja diċenti skont il-qafas tal-familja”. 

Iddikjara dan l-analista finanzjarju Steve Ellul b’reazzjoni ma’ talk.mt f’reazzjoni għar-rapport ippubblikat fl-aħħar jiem bl-isem ta’ ‘The Maltese Living Income’. Dan l-istudju kien frott ta’ ħidma flimkien bejn il-General Workers’ Union, il-Moviment Graffitti u l-Alleanza Kontra l-Faqar

L-istudju stabbilixxa li l-living income nazzjonali għandu jkun ta’ madwar €14,864 għal persuna waħedha bla tfal, €20,099 għal ġenitur waħdu b’wild wieħed, €26,018 għal ġenitur waħdu b’żewġt itfal, €21,316 għal koppja bla tfal, €25,746 għal żewġ ġenituri b’wild wieħed u €30,734 għal żewġ ġenituri b’żewġt itfal.

L-analista finanzjarju qalilna li fl-interpretazzjoni tiegħu se jiffoka fuq is-sitwazzjoni ta’ persuna waħdiha iżda li l-istess ħaġa tirrifletti fuq il-bqija tas-sitwazzjonijiet varji.

Huwa qalilna li r-rapport jagħmel differenza bejn li tgħix ħajja diċenti u dak li jissejjaħ il-minimum basic income. Ir-rapport qed jiffoka fuq il-kwalità tal-ħajja fejn persuna jkun qiegħed jgħix u mhux jeżisti. 

“Ma jfissirx li jekk ikollok is-salarju ta’ kważi €15,000, se tilħaq il-milja jew il-kapaċitajiet finanzjarji tiegħek bħala individwu. Madanakollu b’dan is-salarju se jkun diffiċli biex iħallas il-kappara fuq post fejn jgħix minħabba l-prezzijiet li huma li huma. Imbagħad għandek problema oħra ta’ kemm dak li jkun se jkun kapaċi jħallas il-bqija tal-pagamenti jew saħansitra jingħata self mill-bank”, kompla Ellul.

L-analista finanzjarju qal li tajjeb li niċċaraw id-differenza bejn li tgħix ħajja diċenti u li tkun qed tgħix bi dħul minimu. Li tgħix ħajja diċenti tfisser li tkun tista’ tagħmel spejjeż li jmorru lil hinn minn dak li huwa bażiku biex tgħix. L-analista finanzjarju qal li fl-opinjoni tiegħu dan is-salarju fir-rapport għandu jkun il-bidu u li biex persuna tilħaq il-milja tagħha f’ħajjitha trid timmira għal salarju iżjed minn hekk.

F’kummenti ma’ dan is-sit l-analista finanzjajru Steve Ellul saħaq li r-rapport li ħareg riċentament juri biċ-ċar li l-ħaddiema li qegħdin fuq pagi aktar baxxi minn €15,000 irridu jaraw żieda fis-salarji tagħhom biex ikunu jistgħu jgħixu b’mod diċenti. 

“Tajjeb li niċċaraw id-differenza bejn li tgħix ħajja diċenti u li tkun qed tgħix bi dħul minimu”

Steve Ellul

Huwa saħaq li dan jista’ jsir jekk min iħaddem jipprijoritizza l-kwalità f’dak li jipproduċi u jsaħħaħ il-ħiliet tal-ħaddiema tiegħu waqt li jagħmel dan. Ellul kompla jżid li dan ir-rapport jista’ jintuża sabiex l-ekonomija Maltija timxi għall-pass li jmiss billi kull min iħaddem ħaddiema b’pagi aktar baxxi minn dawk indikati jifhem aħjar li jekk mhux se jsaħħaħ l-operat tiegħu se jkollu diffikultà ħafna akbar milli għandu llum biex jimpjega n-nies fiż-żmien li ġej. 

Ir-rwol tal-gvern fil-kuntest tal-living income għandu jkun limitat għal dawk il-persuni li ma jistgħux jaħdmu skont Ellul. Il-ħaddiema għandhom jirċievu salarju diċenti għax-xoghol tagħhom u ma għandux ikun sussidjat mill-gvern. B’hekk naċċertaw is-sostenibbilità finanzjarja tal-pajjiż waqt li nixprunaw lill-operaturi ekonomiċi tagħna jagħmlu pass ’il quddiem f’dak li jipproduċu.

Għall-pensjonanti u dawk li jiddependu mis-servizzi soċjali wieħed ma jridx jinsa li l-gvern qiegħed iżid id-dħul ta’ dawn il-persuni b’affarijiet li mhux dejjem ikunu jidhru. Eżempju ċar huwa il-fatt li s-saħħa f’pajjiżna hija b’xejn u ricentement is-sussidju fuq l-enerġija qiegħed ifisser li l-familji Maltin qed jiffrankaw mal €1,700 fis-sena oħra. Dawn huma fatturi li wieħed irid jikkunsidrahom ukoll meta jqabbel id-dħul ‘uffiċjali’ mad-dħul reali li kieku kellu jħallas għal dawn l-ispejjez li qed jagħmel tajjeb għalihom il-gvern.

“Nemmen li bħala pajjiż għandna jkollna l-aspirazzjoni li tkun naturali għall-ħaddiema tagħna li jaqilgħu pagi tajbin. Il-ħaddiema tagħna għandu jkollhom pagi aħjar. Dan jista’ jsir biss billi jkollna ekonomija bbażata fuq xogħol ta’ kwalità li mill-inqas, ħaddiem jaqla’ l-paga suġġerita fid-dokument”, kompla Ellul.

Saħaq li tajjeb li ninvestu wkoll f’dawk il-ħaddiema li għalkemm fuq il-bank tal-iskola ma kinux daqstant f’posthom, dak li jaraw b’għajnejhom jafu jaħdmuh b’idejhom. Din tista’ tkun problema għall-fatt li pajjiżna għandu waħda mill-ogħla rati ta’ studenti li joħorġu mill-iskola kmieni.

“L-ekonomija Maltija għatxana għal dawk li mhux interessati fl-edukazzjoni akkademika imma kapaċi jagħmlu kulma jaraw b’għajnejhom”

Steve Ellul

Ellul kompla biex jgħid li dan kollu jdur mal-fatt li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta u din hija opportunità biex min iħaddem ikun jaf li s-salarju biex jattira iżjed ħaddiema qiegħed hemm stabbilit mill-kwalita ta’ għajxien li n-nies iridu u mhux mill-paga minima u saħansitra jħallsu pagi ħafna aħjar minn dik stabbilita fid-dokument. Huwa qal li din tista’ tkun waħda mir-raġunijiet għalfejn ħafna kumpaniji mhux qed isibu biżżejjed ħaddiema. L-istess kumpanija tista’ tinvesti f’pagi aħjar li però ġġibhom minn titjib fil-livell tal-prodotti tagħhom u dan jista’ jsir biss jekk il-ħaddiem ikun imħarreġ biex jipproduċi produttività aħjar li tħalli iżjed qliegħ minn fejn ikunu jistgħu jinħarġu dawn is-salarji li jwasslu għal ħajja diċenti.

“Irridu nnaqqsu l-early school leavers billi nidentifikaw lil dawk l-istudenti li mhumiex interessati fl-akkademja tradizzjonali u ngħinuhom b’taħriġ f’kumpaniji li qed ifittxu ċertu xogħol tal-id li pajjiżna jinsab għatxan għalihom u li saħansitra jħallsu pagi aħjar minn stabbilita f’dan id-dokument”,  saħaq Ellul.

Sport