Il-Ministeru tas-Saħħa ta’ Gaża mmexxi mill-Ħamas qal li minn tal-inqas 241 persuna nqatlu fl-aħħar sigħat filwaqt li l-operazzjoni militari ta’ Iżrael issoktat f’dan it-territorju.
Il-President Palestinjan Mahmoud Abbas ddeskriva l-gwerra bħala “delitt gravi” kontra l-poplu tiegħu.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-armata Iżraeljana Herzi Halevi qal li l-kunflitt mal-Ħamas se jkompli għal “ħafna xhur oħra”.
Splużjonijiet qawwija setgħu jinstemgħu mill-Istrixxa ta’ Gaża tul il-perimetru ma’ Iżrael fis-sigħat bikrin ta’ nhar l-Erbgħa.
Fil-West Bank, sorsi mediċi qalu li minn tal-inqas sitt Palestinjani nqatlu f’attakk permezz ta’ drone Iżraeljan matul il-lejl fil-kampa tar-refuġjati ta’ Nur Shams f’Tulkarem.
Il-Ministeru tas-Saħħa ta’ Gaża qal ukoll li 382 persuna ndarbu fl-aħħar sigħat. Skont il-Ministeru, minn tal-inqas 20,915-il Palestinjan inqatlu – l-aktar tfal u nisa – f’aktar minn 11-il ġimgħa kemm ilu għaddej il-kunflitt.