Saturday, December 21, 2024

“Raw stupru u m’għamlu xejn”

Passiġġieri fuq tren la pprovaw jgħinu lill-vittma u lanqas ċemplu lil 911

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Istati Uniti huwa pajjiż kbir u żviluppat fejn għandek kull tip ta’ nies b’ideat u kulturi differenti. Diffett ikrah pjuttost komuni fost dan il-poplu hija l-indifferenza – in-nuqqas li jagħtu kas jew jieħdu azzjoni f’sitwazzjonijiet madwarhom u dan anke jekk il-bniedem bilqiegħda ħdejhom jiġi aggredit u msawwat quddiem wiċċhom. Pjuttost affarijiet xokkanti u li ma jitwemmnux, iżda jiġru. Każ riċenti huwa dak irrapportat minn “NBC News” fejn numru ta’ passiġġieri fuq tren, minkejja li raw mara tiġi stuprata b’mod vjolenti, ħadd minnhom ma ndenja ruħu jċempel lil 911, il-linja ta’ emerġenza għall-għajnuna mill-pulizija.

L-awtoritajiet Amerikani ħabbru li raġel ta’ 35 sena f’Pennsylvania ġie mixli bi stupru wara li mara kienet attakkata sesswalment waqt li kienet passiġġiera fuq tren tat-trasport pubbliku. F’dan l-attakk huwa rrapportat li kien hemm persuni preżenti u għaldaqstant xhieda tal-att kriminali iżda li dawn m’għamlu xejn biex iwaqqfu l-vjolenza fuq il-mara. 

Hija ġiet attakkata fil-11 ta’ billejl waqt li kienet fuq is-“Southeastern Pennyslvania Transportation Authority” (SEPTA), tren li kienet sejra lejn il-belt ta’ Upper Darby.

Intervent minn impjegat…

Kelliem għal din il-kumpanija qal li, “l-attakk ġie skopert minn impjegat ta’ SEPTA li ħa azzjoni u ċempel lil 911. Hekk kif huwa rrapporta l-każ, uffiċjali ta’ SEPTA intervjenew mill-ewwel u b’suċċess qabdu lis-suspettat fl-att kriminali”.

Is-Superintendent tal-Pulizija ta’ Upper Darby, Timothy Bernhardt, qal li uffiċjali ta’ din il-linja ta’ ferroviji arrestaw lill-agressur u dan wara ġie identifikat bħala raġel ta’ 35 sena bl-isem ta’ Fiston Ngoy.

F’intervista ma’ “NBC Philadelphia” Bernhardt qal li kamera ta’ sorveljanza rrekordjat l-istupru mill-bidu sal-aħħar u kien proprju dan il-filmat li ta provi biżżejjed lill-pulizija biex jarrestaw lil Ngoy fuq akkużi ta’ stupru u attakk fuq persuna.

Il-vidjow juri wkoll kif il-passiġġieri preżenti, waqt l-attakk krudili fuq il-mara, m’għamlu xejn biex jgħinuha. Bernhardt qal li, “huwa inkwentanti ferm u ninsab fi stat ta’ xokk. Ma nafx x’naqbad ngħid… Ma nistax nimmaġina kif persuna tista’ tara dak kollu li kienet għaddejja minnu din il-mara u ħadd ma jindenja ruħu jgħinha”. 

Huwa żied jgħid li l-investigaturi qegħdin jerġgħu jaraw il-filmat ta’ sorveljanza bil-għan li jiddeterminaw min kien preżenti fil-mument li fih seħħ dan l-istupru u enfasizza li qegħdin jitkellmu ma’ xhieda potenzjali.

Il-pubbliku mħeġġeġ jagħmel kuntatt mal-pulizija

Bernhardt qal lil “NBC Philadelphia” li huwa tkellem mal-vittma jumejn wara li ġiet stuprata u żied jgħid li l-mara tinsab tajba wara li din ittieħdet l-isptar għall-kura minħabba xi ġrieħi li sofriet fl-istess attakk. Il-pulizija ta’ Upper Darby, bl-asssistenza tal-pulizija ta’ SEPTA, qegħdin ikomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar dan l-istupru. 

L-investigaturi qegħdin iħeġġu lill-pubbliku biex, jekk ikunu preżenti waqt xi attakk fuq persuna, jagħmlu kuntatt mal-awtoritajiet u jagħmlu rapport. 

SEPTA min-naħa tagħhom ukoll qegħdin jagħmlu appell lin-nies li kienu preżenti fil-ħin tal-attakk sesswali fuq din il-mara “għax dawn jistgħu jagħtu x-xiehda tagħhom fil-każ kontra l-agressur. L-istupru, li seħħ fuq tren ta’ SEPTA l-ġimgħa l-oħra, kien att kriminali tal-biżgħa. Kien hemm persuni oħra preżenti fil-vjaġġ li raw b’għajnejhom att krudili li seta’ twaqqaf qabel kieku xi ħadd minnhom ċempel lil 911,” sostna l-kelliem tal-kumpanija ferrovjarja. 

Sadanittant skont ma rrapportat l-“NBC Philadelphia”, Ngoy għadu miżmum il-ħabs minħabba li ma jistax iħallas il-garanzija personali imposta fuqu.

Ekonomija

Sport