Monday, April 29, 2024

Rawh fl-art u baqgħu jtuh bis-sieq … lil ħuħ qasmulu l-għadma ta’ wiċċu

Eku tal-vjolenza fuq il-kunsillier Laburista ta’ Marsaxlokk Daniel Zerafa li kien spiċċa mitluf minn sensieh

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għalkemm għandu jiġi enfasizzat illi l-vjolenza hija kundannabbli u ma tista’ qatt titqies bħala sostitut aċċettabbli għall-komunikazzjoni u tolleranza jew bħala soluzzjoni għall-problemi li inevitabbilment sejrin jiġu riskontrati fuq ix-xogħol fil- ħajja ta’ kuljum, fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-kaz u fil-qies tal-konsiderazzjonijiet appena magħmula, tqis li l-imputat ma jimmeritax piena karċerarja.” Dan iddikjaratu l-Qorti tal-Maġistrati, f’sentenza dwar il-każ ta’ vjolenza li kien sofra l-kunsillier Laburista f’Marsaxlokk Daniel Zerafa. Dan il-każ, kien jinvolvi lil ħu l-kunsillier li meta mara jaqbeż għal ħuħ spiċċa sofra vjolenza hu ukoll.

Kien fil-5 ta’ Marzu tas-sena 2021 meta wieħed mill-impjegati ta’ Rizzu Restaurant, mar biex jarma umbrella fuq ix-xatt faċċata tar-ristorant iżda ġie mwaqqaf minn Daniel Zerafa, li qallu li l-istabbiliment ma kellux permess mingħand il-Kunsill Lokali biex jarma fuq barra u li l-post kien f’kull każ riservat għall-monti. Meta ġew mgħarrfin ħareġ George Barbara. U qam argument bejniethom, b’ħafna għajjat u storbju kif ukoll bid-daqqiet bil-ponn u bis-sieq.

Dan wassal biex Daniel Zerafa rċieva diversi daqqiet kif ukoll b’xi mod intlaqat b’daqqa ta’ umbrella, u waqa’ fl-art fejn intilef minn sensih. F’ħin minnhom daħal fix-xena Robert Zerafa, hu Daniel biex jgħin lil ħuh. Hawnhekk inqala’ argument li fih kienu involuti l-parti offiża, George Barbara u George Galea. Ġie allegat mill-prosekuzzjoni li George Barbara aggredixxa lil Robert Zerafa u kkaġunalu ġrieħi ta’ natura gravi. Fil-fatt kemm Robert Zerafa u kemm ħuh Daniel Zerafa kellhom jittieħdu l-Isptar minħabba l-ġrieħi li sofrew f’din il-ġlieda.

Robert Zerafa ġie ċertifikat li sofra laċerazzjoni u nefħa ftit iktar ‘il fuq mill-għajn tax- xellug u qasma fuq idu tal-lemin. Dr. Sophia Tahir xehdet li minn CT Scan li saritlu, irriżulta li kellu ġrieħi u kklassifikat dawn il-ġrieħi bħala ġrieħi ta’ natura gravi.

Peress li George Barbara ċaħad l-akkużi kif ukoll fix-xhieda tiegħu nnega li huwa aggredixxa lil Robert Zerafa, il-parti offiża u weġġgħu, il-Qorti qieset li jeħtieġ li ssir evalwazzjoni bir-reqqa tal-kredibbilita’ tal-verżjoni tax-xhieda mressqa mill-Prosekuzzjoni u mid-difiża sabiex tista’ tasal biex tiddetermina l-ħtija o meno tal- imputat għar-reati li jinsab mixli bihom.

Karsten Ciangura li dak iż-żmien kien jaħdem ma’ George Barbara, mar jarma umbrella barra fuq struzzjonijiet tal-imgħallem tiegħu u ġie mwaqqaf minn Daniel Zerafa. Meta daħal ġewwa biex jgħid lil Barbara b’dan, u qallu biex jerġa’ joħroġ bl-umbrella xorta waħda u ħareġ miegħu. Bdew jillatikaw George Barbara u Daniel Zerafa, u ħareġ ukoll George Galea li dak il-ħin imbotta lil Daniel Zerafa, li qabad mal-umbrella li nqalgħet minn postha.

Dak il-ħin George Barbara, dar u ta daqqa ta’ ponn lil Daniel Zerafa fejn dan tal-aħħar waqa’ mal-art u ntilef minn sensih. Karsten Ciangura xehed li ħares lejn Daniel Zerafa għax ra li kellu qasma, u hekk kif għolla rasu, jara lill-George Barbara jagħi daqqa ta’ ponn lil Robert Zerafa f’għajnejh u hu ndaħal biex jipprova jferraqhom u l-istorja spiċċat hemmhekk. Stqarr li ra lil Barbara b’daqqa fuq wiċċu jew fi snienu, iżda ma jafx min tahielu. Qal li ma kienx ra lil Robert Zerafa jagħti daqqa ta’ ponn lill-George Barbara.

Minn naħa tiegħu Robert Zerafa xehed quddiem il-Qorti illi fil-5 ta’ Marzu 2021 għall-ħabta tal-12.30 p.m. mar jarma għall-monti fi Triq ix-Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk flimkien ma’ ħuh Daniel Zerafa u ġie impjegat tal-istabbiliment Rizzu Restaurant biex jarma xi umbrelel. Spjega li ħuh Daniel, li hu Kunsillier fil-Kunsill Lokali, mar fuq dan l-impjegat u spjegalu li l-istabbiliment m’għandux permess biex jarma fuq barra fiż-żona tal-monti. Imbagħad ħarġu George Barbara u George Galea, qabdu jgħajtu u qasmu t-triq u bdew jgħajru lilu u lil ħuh.

F’daqqa waħda, George Galea imbotta lil ħuh Daniel Zerafa u fl-istess ħin George Barbara tah ukoll daqqa ta’ ponn fuq wara ta’ rasu bil-ponn kollu ċrieket, u ħuh intilef minn sensih u nstabat mal-art. Iżda minkejja li ħuh kien ferut, il-persuni l-oħrajn li kienu involuti fit-taqtigħa, fosthom George Galea, Arthur Cini, Claudio Di Bella u Karsten Ciangura, daru ma’ ħuh u komplew ituh bis-sieq. Dak il-ħin kien ixxokkjat u għalhekk qabad l-iktar wieħed minnhom li kien viċin tiegħu, li inzerta kien George Barbara, minn spallejh minn wara biex jiġbdu lura u jżommu milli jkompli jsawwat lil ħuh. Dak il-ħin Barbara dar fuqu u qallu “inti bully bħal ħuk?” u qabad u tah daqqa ta’ ponn bl-istess ponn biċ-ċrieket, ġo rasu fuq għajnejh tax-xellug u fuq moħħu u kif tah id-daqqa ta’ ponn, il-persuni l-oħrajn li kienu kien hemm, daru kollha fuqu. Xehed illi dak il-ħin Karsten Ciangura beda jipprova jikkalma s-sitwazzjoni u beda jgħid lil Barbara biex jieqaf isawwtu, u l-ġlieda waqfet hemm bis-saħħa tal-intervent tal-istess Karsten Ciangura.

Robert Zerafa xehed ukoll illi wara li ġiet l-ambulanza u ngħata l-ewwel għajnuna, hu u ħuh ittieħdu l-isptar u sar jaf li l-għadma ta’ wiċċu xxaqqet. Fil-fatt sal-lum għad għandu ħofra f’dik il-parti fejn ixxaqqet l-għadma għaliex din daħlet ‘il ġewwa bid- daqqa li qala’, liema daqqa qal li kienet waħda b’saħħitha. Baqa’ jħoss ħafna uġigħ f’wiċċu anke wara li għaddiet iktar minn sena mill-inċident.

Il-Qorti, wara li qieset dawn il-konsiderazzjonijiet kollha, tqis li għandha tagħti affidabbilita’ lill-verżjoni tal-parti offiża li huwa ġie aggredit minn George Barbara, li tah daqqa ta’ ponn f’għajnejh wara li pprova jiġbdu lura u jżommu milli jsawwat lil ħuh – u mhux lill-verżjoni ta’ Barbara li ma jiftakarx jekk kien ta daqqa ta’ ponn lil Robert Zerafa. Fil-fehma tagħha, il-verżjoni ta’ Robert Zerafa kienet waħda konsistenti mill-bidu sal-aħħar fl-aspetti kollha tagħha, u l-kredibbilità tiegħu ma ġietx imnaqqxa bl-ebda mod, kuntrarjament għall-verżjoni ta’ Barbara li mhux biss m’hijiex konsistenti iżda hija wkoll kontradittorja u mhux attendibbli, partikolarment fil-parti fejn ċaħad illi ta daqqiet bil-ponn lil xi ħadd u fejn stqarr li ma jiftakarx jekk kienx ta daqqa ta’ ponn lill-parti offiża. Għalhekk, il-Qorti tagħżel li temmen il-verżjoni tal-Prosekuzzjoni dwar kif żvolġa l-inċident u x’wassal biex il-parti offiża jispiċċa jġarrab l-offiżi f’wiċċu, u sejra tiskarta l-verżjoni ta” Barbara li ma jiftakarx jekk kienx tah daqqa ta’ ponn.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha illiberat lil George Barbara bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin

Hi għabbiet b’obbligazzjoni tiegħu nnifsu, biex jinżamm il- bon ordni pubbliku u biex ma jimmolestax lil Robert Zerafa u dan taħt penali ta’ €2,300 għal żmien tnax-il xahar. Il-Qorti wissiet lil George Barbara bi kliem li jiftiehem sew li jekk jagħmel xi reat ieħor matul il-perjodu ta’ liberazzjoni kondizzjonata, jista’ jingħata sentenza għar-reat oriġinali.

Sport