Raymond Aquilina, persuna ta’ 72sena, illum irtirat, missier ta’ żewġ ulied u nannu ta’ żewġ neputijiet, għandu passjoni kbira għat-trekking li bdiet minn meta kien għadu żagħżugħ. L-ewwel esperjenza tiegħu kienet fi sfida biex jikseb id-Duke of Edinburgh Award lura fl-1976.
Raymond għamel l-ewwel Camino minn Lisbona sa Santiago de Compostela fl-2015 b’distanza ta’ kważi 640km f’26 ġurnata. Minn dak iż-żmien sal-lum għamel 13-il Camino, l-aħħar waħda f’Ottubru tas-sena l-oħra.
Fl-2023 għamel l-itwal Camino meta mexa mir-Ruta de La Lana minn Valenzja sa Santiago de Compostela distanza ta’ 1150km f’34 ġurnata. Dan immarka għeluq is-70 sena ta’ Ray fejn dakinhar iddeċċieda jagħmel din l-inizjattiva b’risq Caritas Malta fejn ġabar €3750 donazzjoni.
Is-sena l-oħra Ray Aquilina kellu ppjanat Via Francingena minn Canterbury sa l-Pjazza San Pietru, Ruma. L-iskop ewlieni kien li jiġbor fondi mill-ġdid b’risq Caritas Malta imma sfortunatament Ray kellu jipposponi din il-mixja peress li ġie milqut minn kanċer fejn kellu jibda sessjonijiet ta’ trattament għalih.
Dis-sena li qed jiġi ċċelebrat il-Ġublew tat-Tama, li hija sena li tfisser ħafna għal Raymond Aquilina, għandu fil-pjan li jagħmel din l-inizjattiva b’risq Caritas Malta.
Il-Via Francigena fl-Italja hija l-ewwel u l-iktar triq importanti li, fl-Era Medjevali, kienet tgħaqqad il-pajjiżi lil hinn mill-Alpi tal-Punent ma’ Ruma: id-destinazzjoni prinċipali – flimkien ma’ Ġerusalemm u Santiago de Compostela – għall-pellegrini li, dak iż-żmien, kienu jivvjaġġaw minn madwar l-Ewropa kollha.
Ray Aquilina se jippjana l-mixja tiegħu b’dan il-mod:
• Il-Via Francigena b’distanza ta’ 2300 kilometru tibda mill-Katidral ta’ Canterbury fis-17 ta’ Mejju 2025 u se tkun maqsuma f’żewġ fażijiet:
1. Mill-Katidral ta’ Canterbury sa Aosta, fejn ippjanat li jasal fit-23 ta’ Ġunju wara 39 ġurnata mixi.
2. Imbagħad minn Aosta sa Pjazza San Pietru, Ruma lejn l-aħħar ta’ Settembru / Ottubru. B’35 ġurnata mixi.
Għal darb’oħra, Raymond Aquilina se jkun qed jagħmel din l-inizjattiva b’risq Caritas Malta. Raymond jagħżel Caritas għar-raġuni li din l-organizzazzjoni tagħti raġġ ta’ tama lil dawk l-iktar vulnerabbli u bi problemi soċjali.
Donazzjonijiet jistgħu jintbagħtu dirett lil Raymond Aquilina fuq Revolut jew BOV mobile number : 99876542