Thursday, December 2, 2021

RAZZIŻMU

Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Fl-aħħar beda dieħel għarfien fostna… jew fost uħud minna… li fil-pajjiż jeżisti kurrent ta’ opinjoni u fehma razzist. Dam biex dan jiġri, anke wara li persuna Afrikana nqatlet kiesaħ u biered fi triq qisha kienet annimal tal-kaċċa, u persuna oħra tħalliet f’nofs triq bi ġrieħi kbar wara aċċident fuq ix-xogħol.

Fil-verità, aktar ma tjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħajja f’Malta, aktar sirna razzisti, fis-sens żgur li naraw lil min għandu lewn aktar skur minn tagħna (li hu diġà skur mhux ħażin) bħala inferjuri għal kollox għalina u ma rridux ikollna x’naqsmu miegħu. Hu sentiment li jinsab fis-saffi kollha tas-soċjetà.

Hemm bżonn ta’ kampanja sħiħa ta’ edukazzjoni u tagħrif biex das-sentiment ikrah jitrażżan. Skejjel u mezzi ta’ kumnikazzjoni jkunu kruċjali f’dil-ħidma. Fost tal-aħħar, gazzetta waħda biss żammet sforz kostanti u ammirevoli ta’ impenn kontra r-razziżmu, ankrat madwar il-problemi tal-immigrazzjoni, imma mhux biss — il-gazzetta ta’ kuljum l-orizzont. 

MONOPOLJI DIĠITALI

L-impriżi l-kbar diġitali, bħal Facebook u Amazon, kibru madwar id-dinja kollha. Jagħmlu profitti enormi u jiddominaw is-swieq.

Nitkellmu ħafna dwar il-kompetizzjoni li jiġġenera s-suq ħieles u kif din il-kompetizzjoni suppost twassal biex kulħadd jinqeda aħjar. Sar diffiċli tgħid li dan qed jiġri fil-konfront tal-impriżi diġitali, li saru monopolji jew kważi, fuq skala dinjija.

Iqum l-argument li għalhekk għandha tinżamm ir-regolamentazzjoni tas-swieq, biex jiġi assigurat li kumpaniji kbar ma jitħallewx jikkontrollaw is-suq, a skapitu tal-impriżi l-oħra u tal-konsumaturi.

Imma tant kibru l-kważi-monopolji diġitali li tista’ min-naħa l-oħra, targumenta li r-regolamentazzjoni ma tistax u mhijiex tlaħħaq magħhom. Naħseb li dan hu punt validu.

Allura l-unika triq li baqa’ biex il-monopolji jintemmu jkun li dawn l-impriżi l-kbar jiġu maqsuma f’numru ta’ impriżi iżgħar.

KONTABILITÀ

Meħtieġa kemm hi meħtieġa l-kontabilità fil-ħajja publika, insibu ħafna xkiel biex titħaddem tassew. Xi kultant donnu hemm aktar interess filli tiġi evitata milli osservata. M’hemmx biss il-mod kif iġibu ruħhom dawk li jkunu mistennija jagħtu rendikont serju ta’ għemilhom u d-deċiżjonijiet li ħadu: billi jwaħħlu f’ħaddieħor jew jgħidu li għamlu dak li tqabbdu jagħmlu.

Aktar minn hekk, hi l-istruttura tal-organizzazzjonijiet li jitwaqqfu biex iwettqu x-xogħol li jkomplu jħawdu l-bigħa. Responsabbiltà għal proġett tispiċċa mqassma fost numru ta’ aġenziji b’mod li diffiċli tgħid fejn bdiet ir-ras ta’ problema u fejn spiċċa d-denb. Ir-rapporti tal-awditur dwar numru ta’ suġġetti jagħtu xhieda sħiħa ta’ dan.

F’dal-qasam ir-riforma meħtieġa ma tridx issir biss fl-attitudnijiet u l-mentalitajiet, imma wkoll fl-istrutturi tal-ministeri u l-aġenziji tal-gvern, fost oħrajn.

Sport