Il-coach ta’ Real Madrid, Carlo Ancelotti, qal li l-club qed jikkunsidra li jagħti btajjel lill-players matul l-istaġun biex jistrieħu mill-konġestjoni tal-kalendarju tal-istaġun.
Il-kummenti ta’ Ancelotti waslu waqt li l-Assoċjazzjoni tal-Players Professjonali ħabbret f’Ġunju li hija, bl-appoġġ tal-union tal-players, FIFPro, ingħaqdet ma’ azzjoni legali kontra l-FIFA minħabba li l-kalendarju tal-football “huwa mgħobbi żżejjed u li ma jistax jiffunzjona”.
“Il-players għandhom bżonn il-mistrieħ, għandhom bżonn il-vaganzi u qed naħsbu biex nagħtu l-btajjel individwali lill-players matul l-istaġun,” qal Ancelotti.
“Qed naħsbu biex nagħtu intervalli lill-players. Dan ifisser li kull player jingħata ġimgħa ‘leave’ biex ikun jista’ jmur joqgħod mal-familja tiegħu, speċjalment players internazzjonali, li ftit li xejn jistrieħu għax normalment ma jieħdu lanqas ġurnata minħabba l-partiti internazzjonali.
“Qed nikkunsidraw din l-idea mal-istaff mediku u l-preparazzjoni fiżika.”
Real Madrid rebħu t-titlu ta’ La Liga u ċ-Champions League fl-istaġun li għadda qabel ma numru ta’ players mill-iskwadra tagħhom kienu nvoluti fil-Euro 2024 jew il-Copa America matul is-sajf.
Real se jilagħbu f’kompetizzjoni ġdida tat-Tazza Interkontinentali tal-FIFA f’Diċembru 2024, li se tinvolvi lir-rebbieħa taċ-Champions League jiffaċċjaw team li jiġi permezz ta’ play-offs interkontinentali.
Il-kampjonat Spanjol jintemm fil-25 ta’ Mejju, 2025 qabel il-finali taċ-Champions League fil-31 ta’ Mejju.
Imbagħad se jkun hemm perjodu ta‘ logħob internazzjonali mit-2 sal-10 ta’ Ġunju qabel il-bidu tat-Tazza tad-Dinja tal-Clubs tal-FIFA li se tkun estiża.
“Bħalissa għadna lanqas biss nafu d-dati tat-Tazza tad-Dinja tal-Clubs u tat-Tazza Interkontinentali,” żied Ancelotti hekk kif il-Madrileni ġejjin mis-suċċess tar-rebħ tal-UEFA Super Cup meta għelbu lil Atalanta bl-iskor ta’ 2-0.
“L-istaġun 2025-26 jista’ jibda aktar kmieni minħabba t-Tazza tad-Dinja 2026 u għaldaqstant irridu nippjanaw b’mod xieraq kif se nibdew dan l-istaġun.
“Per eżempju, meta Vinicius Jr jiġi lura wara li lagħab mal-Brażil, flok jilgħab f’La Liga, jistrieħ għal tlieta jew erbat ijiem, imur vaganza u mbagħad jiġi lura.”