Adrian Delia kien wieħed fost it-tliet deputati tal-Oppożizzjoni li vvotaw kontra l-emendi l-ġodda fil-liġi tal-IVF fil-Parlament. Dawn l-emendi ġew approvati b’66 vot favur u tlieta kontra.
Fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, Delia ta r-raġunijiet tiegħu għaliex ivvota kontra, fosthom dik li jemmen li l-ħajja tibda mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha. “Liġi li tippermetti testijiet fuq l-embrijun li jistgħu jtemmulu ħajtu, mhijiex liġi favur il-ħajja,” argumenta Delia.
Huwa kompla jgħd li din il-liġi tmur kontra l-kostituzzjoni iżda fuq kollox tmur kontra l-kunxjena u t-twemmin morali tiegħu; għalhekk, ma setax jivvota favur.
Filwaqt li kien hemm kummenti favur il-pożizzjoni li ħa Delia, kien hemm oħrajn li qalu li ma jaqblux miegħu. Bosta kienu dawk li kitbu li jekk ma tgħaddix mill-proċess tal-IVF huwa faċli li tikkummenta għax mhux kulħadd huwa ffortunat li jinqabad b’mod naturali. Oħrajn staqsew: “Ġenituri li għaddejjin bl-IVF għaliex m’għandux ikollhom tarbija b’saħħitha wara dak l-uġigħ kollu li jgħaddu minnu l-koppja biex isiru ġenituri?”