Wara li sar magħruf li pajjiżna ippreżenta it-talba għall-applikazzjoni biex il-fortifikazzjonijiet ta’ żmien il-Kavallieri ikunu dikjarati wirt dinji mill-UNESCO, intlaqgħet b’mod pożittiv minn għadd ta’ setturi fejn jidħol il-wirt storiku. Fi kliem storiku li tkellem magħna qalilna li “l-Imdina, iċ-Ċittadella u l-fortifikazzjonijiet ta’ żmien l-Kavallieri ikunu dikjarati wirt dinji se jwassal għal aktar protezzjoni għalihom”.
Il-fortifikazzjonijiet inklużi fin-nominazzjoni huma: l-Belt Valletta u l-fortifikazzjonijiet tal-port tagħha, Il-Linji tal-Furjana, Birgu, inkluż Forti Sant’Anġlu, l-Isla, Il-Linji ta’ Santa Margherita li jdawru lil Bormla, l-Linji tal-Kottonera, Forti Ricasoli, Forti Manoel, Forti Tigné, l-Imdina u ċ-Ċittadella f’Għawdex
Ir-rikonoxximent bħala Wirt Dinji tal-UNESCO jkun ifisser li l-fortifikazzjonijiet ta’ Malta jiġu rikonoxxuti globalment għall-Valur Universali Straordinarju tagħhom. Dawn is-siti jirrappreżentaw kapulavur tal-ġenju kreattiv tal-bniedem, li juri kisbiet eċċezzjonali militari, arkitettoniċi u ta’ ppjanar urban. Il-Belt Valletta, maħsuba bħala ċ-ċentru newrali ta’ din is-sistema, hija waħda mill-aktar kreazzjonijiet importanti tar-Rinaxximent tard, filwaqt li r-rifortifikazzjoni ta’ bliet antiki bħall-Imdina u ċ-Ċittadella turi ħila straordinarja fl-adattament tal-arkitettura difensiva għall-pajsaġġ uniku ta’ Malta.
Il-fortifikazzjonijiet juru wkoll skambju importanti ta’ valuri umani tul iż-żmien. Iddisinjati minn inġiniera militari ewlenin Ewropej, jirriflettu taħlita unika ta’ influwenzi Taljani, Franċiżi u oħrajn Ewropej. Malta żviluppat bħala ċentru kosmopolitan fejn it-tradizzjonijiet Mediterranji, Ewropej u Orjentali ngħaqdu flimkien, u attirat artisti, studjużi u figuri bħal Caravaggio, Mattia Preti u Antoine de Favray.
Dawn is-siti huma xhieda eċċezzjonali tat-tradizzjoni kulturali tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, ordni sovrana pan-Europea li ħalliet marka profonda fuq Malta għal kważi tliet sekli. Huma wkoll marbuta direttament ma’ avvenimenti determinanti fl-istorja Maltija u Ewropea, fosthom l-Assedju l-Kbir tal-1565, li kellu rwol kruċjali fl-iżvilupp ta’ Malta moderna.
Mill-perspettiva teknoloġika u arkitettonika, il-fortifikazzjonijiet jiffurmaw wieħed mill-aktar eżempji kkonċentrati fid-dinja ta’ difiżi “alla moderna” ibbażati fuq il-porvli. Mibnija bil-ġebla globiġerina lokali u adattati bir-reqqa għall-ġeoloġija u t-topografija ta’ Malta, huma riflessjoni tal-ogħla tradizzjonijiet ta’ inġinerija militari ta’ żmienhom. It-tqegħid strateġiku tagħhom fil-pajsaġġ għadu jidher b’mod ċar sal-lum.
L-awtentiċità u l-integrità tas-siti huma murija mill-istat eċċezzjonali ta’ preservazzjoni tagħhom, mill-arkivji estensivi, mill-pjanti u mapep storiċi, kif ukoll mix-xogħlijiet kontinwi ta’ konservazzjoni u restawr. Illum, dawn is-siti jibqgħu jwasslu sens qawwi ta’ identità, kburija nazzjonali u kontinwità storika.

