Abner George Aquilina ta’ 20 sena miż-Żejtun ilbieraħ tressaq quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia akkużat li fis-sigħat bikrin tat-2 ta’ Jannar 2022 qatel u stupra lil Paulina Dembska.
Intant waqt li kienu qegħdin jistennew l-akkużat jasal il-qorti, dan tal-aħħar mhux talli ma ddejjaqx jidher, talli ħarġilhom sebgħu tan-nofs b’imġiba li qajmet furur fuq il-midja soċjali.
Fost il-ħafna kummenti kien hemm persuni li fakkru li dan huwa persuna li “sippost” għadu ħiereġ minn trattament mediku fl-Isptar Monte Carmeli. Oħrajn ilmentaw li l-Pulizija għandha ssegwi mill-qrib din l-imġiba u tfittex tara li ssir ġustizzja mingħajr aktar ħela ta’ żmien.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest. Hawnhekk id-difiża talbet lill-Qorti sabiex tirrakkomanda lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex mill-iktar fis possibbli l-imputat jingħata l-assessments meħtieġa u abbażi ta’ dawn l-istess assessments id-Direttur jiddeċiedi, kif wara kollox din tibqa’ prerogattiva tiegħu, f’liema istituzzjoni għandu jinżamm l-imputat.