Thursday, March 28, 2024

“Fil-maġġoranza l-kbira tal-każi s-side effects huma lokalizzati mingħajr konsegwenzi serji”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Tajna issa ’l fuq minn miljun doża, 300,000 minnhom bil-booster u madwar id-dinja mijiet, eluf ta’ miljuni ta’ dożi. Allura s-side effects huma magħrufin. Fil-maġġoranza kbirissima tal-każijiet, l-effetti li jsegwu jkunu lokalizzati jiġifieri naqra uġigħ fil-post fejn tkun ħadt it-tilqima jew forsi tħossok ma tiflaħx għal xi ġurnata jew tnejn, imma mingħajr konsegwenzi serji.” Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne meta kien qiegħed iwieġeb għad-domanda ta’ dan is-sit rigward l-effetti li jsegwu wara t-tilqima. Dan wara li persuni li tkellmu ma’ Talk.mt ilmentaw dwar side effects li għadhom qegħdin ikaxkru bihom sa ġimgħat wara t-tilqim. Skont dawn l-istess persuni din hija waħda mir-raġunijiet li se twassal biex ir-rata ta’ tilqim bil-booster tkun inqas minn dawk li tlaqqmu bl-ewwel żewġ dożi tal-vaċċin. 

Min-naħa tagħha l-Professur tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qablet mal-Ministru Fearne u qalet li “Kif spjega tajjeb is-side effects huma minimi. Xi ħaġa li tista’ tistennija meta konna nieħdu tilqim ieħor imma jekk inti tqabbel il-benefiċċji u l-protezzjoni li toffri se jservu ħafna aktar fit-tul minn dawk il-ftit side effects li jista’ jkollok”.

Talk.mt staqsa wkoll lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika dwar l-imwiet bil-Covid-19. Fl-aġġornament ta’ kuljum l-awtorità tas-saħħa tħabbar, meta jkun hemm, “imwiet ta’ persuni li mietu waqt li kienu pożittivi għall-covid-19”. Intant ħafna huma dawk li qegħdin jistaqsu kemm minn dawk kollha li mietu; li fl-aħħar sigħat qabżu l-500 b’kollox, huma ċertifikati li mietu kawża tal-pandemija.

Hawnhekk Gauci qalet li “dwar l-imwiet aħna nimxu fuq WHO fejn tħares li jkollok persuna li jkun ħa l-covid-19 u jkollok jew imwiet kaġun dirett tal-covid jew ikollok kundizzjoni oħra li ġiet aggravata allura jkollok l-covid li jkun kontributorju għall-imwiet. Jekk ikollok persuni li jmutu minħabba kawża oħra, eżempju xi ħadd li jkollu inċident fit-triq bil-karozza u dan jinzerta li kien pożittiv, dak skont id-WHO case definition ta’ death ma titniżżilx mal-każijiet li aħna nkunu qegħdin inniżżlu”.

Ekonomija

Sport