Friday, December 13, 2024

“Rebħa għall-ħaddiema kollha”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU b’reazzjoni għall-emenda fejn kull festa li taħbat fi tmiem il-ġimgħa se tkun qed tiżdied mal-leave

“Rebħa għall-ħaddiema kollha… ġlieda li ilha għaddejja għal 15-il sena sħaħ.” Hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja lil inewsmalta fl-isfond tal-emenda mressqa mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela fl-Att dwar il-Festi Nazzjonali u Btajjel Pubbliċi Oħra. Bl-emenda li l-Gvern qiegħed iressaq, li trid tgħaddi wkoll mill-Parlament, kull festa nazzjonali jew btala pubblika li taħbat fil-ġurnata tas-Sibt jew tal-Ħadd se tkun qed tiżdied mal-leave. 

Bugeja qal li bħala GWU jinsabu sodisfatti b’din l-emenda b’mod speċjali għax din hija rebħa għall-ħaddiema kollha li bditha l-GWU fejn ikkonvinċiet it-trade unions l-oħra li hija kawża ġusta. Huwa qal li din kienet proposta li l-GWU baqgħet tagħmel f’kull budget anke fil-proposti tal-manifest tal-elezzjoni fejn hemm il-gvern kien wiegħed li jitihom lura. Żied jgħid li wara l-elezzjoni kien sar qbil li dawn isiru b’mod gradwali sakemm titħassar l-emenda.

Permezz tal-emenda li qed titressaq issa, il-Gvern mhux biss se jkun qiegħed iwettaq wegħda elettorali oħra iżda fuq kollox se jkun qed ireġġa’ lura dak li Gvern Nazzjonalista kien għamel fl-2005 fejn bl-emenda li kienet saret f’dik is-sena, kien intilef id-dritt li meta festa nazzjonali jew btala pubblika taħbat is-Sibt jew il-Ħadd, dik il-ġurnata tiżdied bħala jum ieħor ta’ leave ta’ vaganza.

Hekk kif issa l-festi li jiġu fi tmiem il-ġimgħa se jkunu qed jiżdiedu mal-leave, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li din kienet ġlieda li ilha għaddejja għal 15-il sena sħaħ għax il-mod kif kienu ttieħdu lill-ħaddiema kienu nsterqu. Huwa fakkar kif il-GWU kienet marret l-ILO fuqha għal mod kif kienet daħlet għax l-Gvern Nazzjonalista kien daħal f’dak li jissejjaħ free collective barganing. 

Peress li s-sena d-dieħla l-ewwel ta’ Mejju se jiġi ċċelebrat is-Sibt, il-15 ta’ Awwissu se jkun il-Ħadd u l-Milied se jkun qed jiġi ċċelebrat is-Sibt, dan ifisser li fl-2021 il-ħaddiema se jkollhom tliet ġranet ta’ leave addizzjonali. 

Ekonomija

Sport