Monday, April 29, 2024

“Adattajna l-operat għall-isfida tal-pandemija” – Id-Direttur tal-Grupp Maypole Mario Debono

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn CLAUDIO COLEIRO, Ritratti: ALAN SALIBA

“Is-sena 2020 ma kinitx waħda faċli għall-Grupp Maypole hekk kif affaċċjajna sfidi kbar minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Minkejja dan, bħala Grupp adattajna l-operat tagħna biex inkunu nistgħu nilqgħu għal dawn l-isfidi billi fost oħrajn nedejna servizzi ġodda għall-klijenti tagħna.” 

Stqarr dan id-Direttur ta’ Maypole Mario Debono meta lbieraħ laqa’ lill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri ġewwa l-fabbrika tal-istess kumpanija f’Ħal Qormi fejn bħalissa qed isir l-ikel tradizzjonali f’dawn iż-żminijiet ta’ festi fosthom il-panettone, kejkijiet u anke mince pies biex jitqassmu fil-ħwienet għall-bejgħ.

Is-Sur Debono stqarr li x-xogħol li jsir f’din il-fabbrika jitqassam f’xejn inqas minn 26 ħanut mifruxa madwar Malta u Għawdex. Huwa spjega kif f’dawn l-aħħar snin il-Grupp Maypole kiber b’ritmu mgħaġġel u li dan l-istess tkabbir ma setax ikun possibbli mingħajr l-isforzi li jagħmlu l-impjegati fi ħdan il-Grupp.

Waqt li rrikonoxxa li l-pandemija ġabet magħha sfidi kbar, Debono rringrazzja lill-Gvern tal-miżuri ta’ għajnuna li dejjem ta lin-negozji f’dawn iż-żminijiet li għenu biex jittaffew ftit mill-piżijiet li kellhom. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Schembri qal li: “ġejna hawn bi skop biex nirrikonoxxu l-aktar riżors importanti li għandu l-pajjiż, li huwa l-ħaddiem. Qegħdin naraw kif kumpanija bħal Maypole kompliet tibni sena wara l-oħra biex illum hi kumpanija ewlenija f’dan il-qasam.” 

Huwa semma kif f’dawn l-aħħar erba’ snin, il-kumpanija żiedet l-ammont ta’ ħaddiema tagħha għal 450. “Minn forn modest f’Ħal Qormi, illum qed naraw fabbrika ta’ eċċellenza f’dan il-prodott lokali,” tenna l-Ministru Schembri. 

Huwa kompla jgħid li l-pandemija uriet kemm verament l-ekonomija tagħna hi reżiljenti u kemm in-negozji tassew iħobbu lill-ħaddiema tagħna. Semma wkoll kif il-miżuri li għamel il-Gvern wasslu biex ħafna ħaddiema żammew posthom.

Sport