Tuesday, December 24, 2024

Rebħa għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli ddeskriviet il-ftehim milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għal direttiva biex tkun miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika bħala rebħa għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissarju Dalli sostniet li din id-direttiva se twessa’ l-protezzjoni lil hinn mill-vjolenza fiżika biex tkun tinkludi wkoll il-vjolenza psikoloġika, ekonomika u sesswali. Hija raddet ħajr liż-żewġ istituzzjonijiet għal dan l-iżvilupp li nkiseb.

Madanakollu hija qalet li l-ħidma f’dan ir-rigward għandha tkompli biex jibqa jkun żgurat ir-rikonoxximent madwar l-Unjoni Ewropea kollha illi l-istupru ikun meqjus bħala reat mhux konsenswali.

Id-Direttiva li kienet proposta f’Marzu 2022 li tikkriminalizza l-vjolenza fiżika, hija pass importanti u għalhekk l-ewwel strument legali komprensiv fil-livell tal-UE li għandu jindirizza vjolenza kontra n-nisa, li għadha mifruxa fl-Unjoni Ewropea. 

Dan isegwi l-impenn meħud mill-President Ursula Von der Leyen fil-Linji Gwida Politiċi tagħha biex tagħmel dak kollu possibbli biex tipprevjeni l-vjolenza fuq in-nisa, inkluża l-vjolenza domestika u biex tipproteġi l-vittmi u tikkastiga lil dawk li jwettqu reati.

Il-mutilazzjoni ġenitali femminili kif ukoll iż-żwieġ furzat se jiġu kriminalizzati bħala reati waħedhom. 

Din id-direttiva se tgħin b’mod partikolari lill-vittmi fl-Istati Membri li għadhom ma kkriminalizzawx dawn l-atti. Din hija kwistjoni urġenti li għandha tiġi indirizzata, minħabba t-tixrid esponenzjali u l-impatt drammatiku tal-vjolenza fuq l-internet.

Għodda ewlenija biex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq l-internet hija l-litteriżmu diġitali. Huwa għalhekk li d-Direttiva l-ġdida teħtieġ ukoll miżuri biex jiġu żviluppati ħiliet li jippermettu lill-utenti jidentifikaw u jindirizzaw il-vjolenza, ifittxu appoġġ u jipprevjenu t-twettiq tagħha.

Filwaqt li ma ntlaħaq l-ebda qbil dwar il-kriminalizzazzjoni tal-istupru bbażat fuq nuqqas ta’ kunsens fil-livell tal-proposta tal-Kummissjoni, id-Direttiva tinkludi rekwiżiti ta’ prevenzjoni b’saħħithom biex, l-ewwel, jiġi promoss ir-rwol ċentrali tal-kunsens fir-relazzjonijiet sesswali u, it-tieni, li jittieħdu miżuri mmirati għall-prevenzjoni tal-istupru.

Id-Direttiva l-ġdida tipprevedi wkoll miżuri għall-prevenzjoni ta’ kull tip ta’ vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza domestika u tistabbilixxi standards ġodda għall-protezzjoni, l-appoġġ u l-aċċess għall-ġustizzja tal-vittmi billi tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu linji ta’ għajnuna u ċentri ta’ kriżi tal-istupru bħala appoġġ lill-vittmi.

Kif propost mill-Kummissjoni, id-Direttiva se tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw rappurtar sikur, sensittiv għall-ġeneru u eħfef ta’ reati ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika – inkluża l-għażla li jirrappurtaw onlajn. 

Dan se jindirizza n-nuqqas ta’ rappurtar ta’ vjolenza kontra n-nisa li għadha tippersisti sal-lum. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi se jkollhom jivvalutaw jekk il-ħati jistax jagħmel aktar ħsara lill-vittma u, f’dak il-każ, jieħdu l-miżuri ta’ protezzjoni meħtieġa, bħall-projbizzjoni li tidħol fid-dar tal-vittma.

Ekonomija

Sport