Wednesday, February 21, 2024

Jannar jilqa’ s-sena l-ġdida b’temp xott u b’temperaturi ogħla mill-medja

Aqra wkoll

Sa issa, ix-xitwa ma tantx jidher li qed tagħmel xogħolha hekk kif bħax-xahar ta’ qablu, Jannar ma ġabx miegħu l-kesħa u l-maltemp li normalment huma assoċjati ma’ dan iż-żmien. Dan wassal biex is-sena l-ġdida fetħet bħalma għalqet dik ta’ qabilha, jiġifieri b’temp aktar sħun u iżjed xott min-norma.

Fil-fatt, matul ix-xahar li għadda, tkejlu biss 37.3 mm xita, jiġifieri 42.1 mm inqas min-norma klimatika. Matul l-istess xahar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku rreġistra jumejn li fihom il-gżejjer Maltin intlaqtu minn maltempati bis-sajjetti u ġurnata waħda li fiha niżel is-silġ.

Ix-xahar li għadda kien ukoll 1.2°C aktar sħun min-norma, bit-temperatura medja tkun dik ta’ 14.1°C. It-18 ta’ Jannar ġab miegħu togħma ċkejkna tas-sajf, meta l-ogħla temperatura baqgħet tiela’ sa 24.5°C. Madanakollu, l-aktar temperatura sħuna tax-xahar fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku tibqa’ dik ta’ tliet snin ilu, meta f’Jannar 2021 l-ogħla temperatura telgħet sa 25.8°C.

Mill-banda l-oħra, l-aktar jum kiesaħ tax-xahar li għadda kien it-23 ta’ Jannar, meta l-inqas temperatura niżlet sa 6.7°C. Anke jekk dakinhar, it-temperatura kienet sostanzjalment aktar kiesħa mill-medja, Jannar tal-1981 għad għandu f’idu r-rekord tal-aktar temperatura baxxa mkejla matul ix-xahar, meta l-merkurju niżel sa 1.4°C.

Jannar kien ukoll iżjed xemxi mis-soltu, tant li matul ix-xahar tkejlu 181 siegħa xemxija, jiġifieri 11.5 sigħat xemxin aktar min-norma klimatika. Għall-kuntrarju ta’ ġranet li esperjenzaw medja ta’ 5.8 sigħat xemxin, il-11 ta’ Jannar  kien l-aktar jum imdallam, hekk kif ra inqas minn siegħa waħda xemija (0.9).

Il-qawwa medja tar-riħ kienet ta’ 9.0 knots; jiġifieri kważi fl-istess livell tan-norma klimatika ta’ 8.9 knots. Is-sitt u s-seba’ jum ta’ Jannar kienu l-aktar mirjieħa, tant li fiż-żewġt iġranet, kienet imkejla buffura li laħqet is-47 knot.

Tbassir tat-temp għall-Karnival 2024

Illum, temp sabiħ u pjuttost sħun mistenni jilqa’ l-Karnival tal-2024. Madanakollu, temp instabbli u bir-riħ huwa mbassar għall-bqija tal-jiem tal-Karnival, partikolarment il-Ħadd.

Ir-riħ mistenni li jitqawwa bejn il-Ġimgħa u s-Sibt u jibqa’ ftit qawwi għall-qawwi (Forza 5 għal 6), fil-jiem ta’ wara.

Għall-Ħadd il-Karnival it-temp mistenni li jkun imsaħħab, b’ħalbiet tax-xita li jistgħu jkunu bir-rgħad u bil-buffuri tar-riħ. Dan se jwassal biex it-temperatura tinżel xi ftit, bl-ogħla titla sa 17°C u tinżel għal 11°C matul il-lejl.

It-Tnejn u t-Tlieta, l-aħħar jumejn tal-Karnival, ukoll mistennija jkunu kkaratterizzati b’temp instabbli u bir-riħ.

Għall-aħħar aġġornamernti tat-temp, il-pubbliku huwa mħeġġeġ iżur is-sit tagħna maltairport.com/weather.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport