Monday, March 2, 2026

REBĦA GĦAR-RUSSJA

Aqra wkoll

Fil-gwerra li fetħet kontra l-Ukrajna, anke jekk tispiċċa rebbieħa, ir-Russja se tkun tilfet ħafna aktar milli rebħet. Dan għax se tkun iġġustifikat lil dawk fil-bqija tal-Ewropa li jaraw lir-Russja bħala l-għadu etern tal-Ewropa u li minħabba f’hekk iridu (u se jirnexxilhom) isaħħu l-potenzjal militari tal-Ewropa tal-punent. Mentri l-interess fondamentali Russu dejjem kien li l-pajjiż jiġi aċċettat bħala parti integrali mill-Ewropa u mhux bħala theddida.

Fil-punent kien hemm min kellu viżjoni kompatibbli ma’ dan l-interess Russu. Statisti bħal de Gaulle li tkellem dwar Ewropa li tinfirex sal-Urali; jew Willy Brandt bl-Ost politik tiegħu. Għall-oħrajn, li kienu f’maġġoranza, ir-Russja kellha dejjem tibqa’ titqies b’suspett, bħala theddida. Rebħa Russa fl-Ukrajna tagħtihom l-aqwa rankatura biex ikomplu jsostnu din il-perspettiva.

IL-METODU TAR-RYAN AIR

Jeżisti metodu ta’ negozju fejn prodott jew servizz li nkunu drajna nixtruh “sħiħ”, u allura bi prezz wieħed, jinqasam f’partijiet differenti bi prezz separat għal kull parti. Biex tixtri l-prodott jew is-servizz sħiħ, trid tħallas it-totall tal-prezzijiet għal kull parti. Imma tista’ tixtri biss uħud mill-partijiet.

Min imur l-aħjar b’sistema bħal din? Il-konsumatur li jixtri jew il-bejjiegħ? Veru li biha tiżdied l-għażla u jitraħħas il-prezz?

Is-sistema bdiet dieħla jew daħlet f’diversi oqsma, l-aktar tas-servizzi, bħal dawk finanzjarji u bankarji, l-provista ta’ servizzi elettroniċi u fl-ivvjaġġar. L-aqwa esponent tagħha madankollu jibqa’ r-Ryan Air, tant li jkun xieraq jekk il-proċedura kollha tissemma għal dil-kumpanija!

L-ISTITUZZJONIJIET TAGĦNA 

Aħna lkoll nitkellmu dwar l-importanza tal-istituzzjonijiet fit-tmexxija tal-pajjiż u kif għal governanza tajba, l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom skond ir-regoli stabbiliti bil-kostituzzjoni u fil-liġi għalihom. Ma jistax ikollna governanza tajba jekk l-istituzzjonijiet ma jitħallewx jaħdmu b’mod indipendenti u trasparenti skond l-istatut tagħhom.

Fil-prattika, inqisu l-istituzzjonijiet bħala magna deċiżjonali li wieħed irid jara kif jiġbed u jġebbed skond l-għanijiet tiegħu personali jew tal-korp/organizzazzjoni li jirrappreżenta. Dan jiġri kemm minn barra l-istitutuzzjonijiet – min-nies b’xi poter li jaħtruhom; u kemm minn ġewwa – l-istess membri tagħhom. It-taħwid isir b’mod apert, b’manipulazzjonijiet moħbija, b’mod informali u ġieli bħala xi ħaġa normali.

L-istituzzjonijiet tagħna ifakkruk f’ġobna tat-toqba: minn barra tidher soda u sħiħa, minn ġewwa mimlija tagħwir. Jista’ jkun li dan jiġri għax il-komunità Maltija hi waħda ċkejkna fejn kulħadd jaf lil kulħadd. Jista’ jkun li jiġri għax bħala poplu, ma nemmnux f’regoli fissi: dak li għandu jsir, irid  jitwettaq permezz ta’ qbil bejn persuni fdati li skond il-iċ-ċirkostanzi u skond kif jaqblilhom, jiġbdu naħa jew oħra, mingħajr konsistenza “żejda”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport