Wednesday, October 30, 2024

Rebħa kbira għal-Lemin-estrem fl-Olanda

Aqra wkoll

Il-mexxej populista veteran li huwa magħruf sew għas-sentimenti anti-Iżlam, Geert Wilders rebaħ rebħa drammatika fl-elezzjoni ġenerali Olandiża, meta kważi l-voti kollha huma magħduda.

Wara 25 sena fil-parlament, il-partit tal-Ħelsien li jmexxi Wilders (PVV) huwa mistenni li jirbaħ 37 siġġu, aktar mill-eqreb rivali tiegħu, alleanza tax-xellug.

Mar-rebħa, Wilders qal li l-partit tiegħu, il-PVV, ma jistax jibqa jiġi injorat aktar u sostna wkoll li r-rebħa tiegħu heżżet il-politika Olandiża u se tibgħat xokk qawwi madwar l-Ewropa wkoll.

Iżda biex iwettaq il-wegħda tiegħu li jkun prim ministru ta’ kulħadd, Wilders se jkollu bżonn jipperswadi lil partiti oħra biex jingħaqdu miegħu f’koalizzjoni. Il-mira tiegħu hija 76 siġġu fil-parlament ta’ 150 siġġu.

Waqt laqgħa tar-rebħa tal-partit tiegħu nhar il-Ħamis, Geert Wilders, li għandu 60 sena, qal lill-membri tal-partit li  kien lest li jinnegozja u jagħmel kompromessi ma’ partiti oħra biex isir Prim Ministru.

Il-mexxej tal-PVV rebaħ wara li sfrutta frustrazzjoni mifruxa dwar il-migrazzjoni u wiegħed “fruntieri magħluqa” u ssospenda l-wegħda tiegħu li jipprojbixxi l-Koran.

Qabel il-vot, it-tliet partiti l-kbar l-oħra eskludew li jieħdu sehem fi gvern immexxi minn Wilders minħabba l-politika tiegħu tal-lemin estrem. Iżda dan jista ‘jinbidel minħabba l-iskala tar-rebħa tiegħu.

L-alleanza tax-xellug taħt it-tmexxija ta’ l-eks Kummissarju u Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans ġiet it-tieni fil-ġirja elettorali b’25 siġġu, skont tbassir ibbażat fuq 94% tal-voti.

Timmermmans għamilha ċara li ma jkollux x’jaqsam ma’ gvern immexxi minn Wilders, u wiegħed li jiddefendi d-demokrazija Olandiża u l-istat tad-dritt. 

Dan iħalli lill-VVD liberali taċ-ċentru-lemin fit-tielet post taħt il-mexxej il-ġdid Dilan Yesilgöz, u partit ġdid fjamant iffurmat mill-whistleblower Pieter Omtzigt fir-raba post.

Omtzigt inizjalment kien stqarr li l-partit tiegħu, Kuntratt Soċjali Ġid, mhux se jaħdem ma’ Geert Wilders, iżda issa qed jgħid li huwa disponibbli biex jibdel din il-fiduċja tal-votanti f’azzjoni. Rebħa ta’ Wilders, bla dubju se tibgħat  xokkijiet madwar l-Ewropa, peress li l-Olanda hija waħda mill-membri fundaturi ta’ dik li saret l-Unjoni Ewropea.

Wilders għadu tal-fehma li jagħmel referendum “Nexit” biex joħroġ lill-Olanda mill-UE, għalkemm jirrikonoxxi li m’hemm l-ebda burdata nazzjonali biex jagħmel dan. Huwa se jkollu mumenti diffiċli biex jikkonvinċi lil kwalunkwe sieħeb prospettiv ewlieni tal-koalizzjoni biex jiffirma għal dan.

Sport