Saturday, December 21, 2024

Rebħa legali kbira għal Google, Twitter u Facebook

Qorti Suprema Amerikana tiċħad talba għal ħlas ta’ danni minn qraba ta’ vittmi ta’ terroriżmu…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fi żvilupp legali sinjifikanti, il-Qorti Suprema Amerikana tat sentenza favur Google, Twitter u Facebook f’kawżi għad-dannii li kienu qegħdin jiffaċċjaw minħabba akkużi li l-pjattaformi tagħhom iffaċilitaw attakki terroristiċi. Minkejja din id-deċiżjoni pjuttost kontroversjali l-istess Qorti żammet id-dritt li tirrevedi każijiet oħra fil-futur u anke l-fatt li l-liġi federali “tipproteġi” lill-kumpaniji tal-midja soċjali milli jinżammu responsabbli għal danni fuq kontenut li jitla’ mill-persuni li jużaw il-pjattaformi.

F’rapport minn “Business Today” irriżulta li b’mod unanimu l-imħalfin ma laqgħux talb għad-danni li fihom ġie allegat li l-kumpaniji ppermettu abbuż li bih intużaw għal attakki terroristiċi fosthom dak tal-2017 f’ħanut tax-xorb fit-Turkija. F’dan l-attakk kienu tilfu ħajjithom 39 persuna. Każ ieħor li ma ġiex aċċettat quddiem din il-Qorti huwa dak ta’ studenta universitarja Amerikana li mietet f’attakk terroristiku Iżlamiku f’Pariġi lura fl-2015.

Għall-bidu l-Qorti Suprema bdiet tisma’ l-kkaż ta’ Pariġi kontra Google bil-ħsieb li teżamina jekk il-protezzjoni legali li jgawdu minnha l-kumpaniji tal-midja soċjali taħt is-Sezzjoni 230 tal-liġi 1996, kinitx wisq wiesgħa. Minkejja dan, il-Qorti wara ddeċidiet li ma kienx meħtieġ li tidħol f’dan il-meritu minħabba li ma ratx li hemm biżżejjed x’jorbot lil Google mal-attakk f’Pariġi. Dan wassal biex il-każ, minflok, jinstema’ f’qorti inferjuri.

Twissija minn Google jekk titlef il-każ…

Għaldaqstant dawn id-deċiżjonijiet, almenu għalissa, huma rebħa kbira għall-industrija tat-teknoloġija li kienet wissiet li jkun hemm problemi u “taħwid” fuq l-internet jekk Google kien jitlef il-każ fil-qorti. 

B’reazzjoni għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema, Anna Diakun li hija avukata man-Knight First Amendment Institute fl-Università tal-Kolombja, sostniet li hemm lok ta’ reviżjoni ta’ kemm għandom ikunu protetti l-pjattaformi taħt il-liġi preżenti. Hija qalet li, “eventwalment il-Qorti se jkollha tirrispondi għal mistoqsijiet li evitat f’dawn id-deċiżjonijiet riċenti. L-immunità tal-pjattaformi taħt is-Sezzjoni 230 żgur li se terġa’ tissemma’ f’każijiet oħra fil-futur”.

Mentri, l-avukat tal-kumpanija Google, Halimah DeLaine Prado, ikkonferma li l-kumpanija hija kommessa li tipproteġi l-libertà tal-espressjoni online, li tiġġieled kontenut li jista’ jagħmel il-ħsara, kif ukoll li tappjoġġja negozji u persuni oħra (creators) li jibbenefikaw mill-internet.

L-avukat li kien qiegħed jidher għall-familja tal-vittma ta’ Pariġi, Nohemi Gonzalez, esprima diżappunt għal dak li ddeċidiet din il-Qorti imma wiegħed li se jkomplu bil-ġlieda tagħhom. F’email li ntbagħtet mill-avukat ingħad li, “bħala avukati nħossu li dan huwa intopp żgħir li rridu ninnavigaw madwaru. Kellhom jgħaddu s-snin biex nerbħu lil Big Tabacco u maż-żmien jirnexxielna nerbħu kontra n-nuqqas ta’ responsabbiltà li hemm mill-kumpaniji kbar tat-teknoloġija, Big Tech”.

Ekonomija

Sport