Il-Ġimgħa filgħodu s-sewwieq żagħżugħ Redent Magro se jħalli pajjiżna sabiex bejn is-Sibt u l-Ħadd jipparteċipa fil-Kampjonat Ewropew għal-Sewwieqa Amateurs organizzat mill-FEGAT li hi l-Għaqda Ewropea għal Sewwieqa tat-Trott Amateurs.
Dan il-Kampjonat se jkun qed isir fil-koros ta’ Son Pardo u Manacor fil-gżira ta’ Mallorca.
Redent se jkun wieħed fost tlettax-il sewwieq minn pajjiżi differenti hekk kif se jiffaċċja sewwieqa mill-Awstrija, Belġju, Danimarka, Fillandja, Ġermanja, Italy, Norveġja, Olanda, Spanja, Svezja, Svizzera u Ungerija.
Magro, li għandu 29 sena, ilu jsuq mal-Malta Racing Club mill-2010 u b’kollox rebaħ total ta’ 156 tiġrija tnax minnhom din is-sena.
Din mhux se tkun l-ewwel darba li Redent Magro se jipparteċipa f’kampjonat tal-FEGAT hekk kif fl-2019 kien ipparteċipa b’suċċess fit-Tazza FEGAT li kienet saret fl-Awstrija.
Magro huwa akkumpanjat mill-Viċi Chairman ta’ EquestriMalta u l-Malta Racing Club is-Sur Edwin Borg.