Saturday, May 18, 2024

Redent Magro fit-tieni post tal-kampjonat tal-amateurs punt biss taħt il-Belġjan Piet Van Pollaert

Aqra wkoll

Wara li ġiet fi tmiema l-ewwel ġurnata tal-Kampjonat Ewropew għal sewwieqa amateurs, il-Malti Redent Magro jinsab fit-tieni post tal-klassifika punt biss taħt il-Belġjan Piet Van Pollaert.

Fl-ewwel tiġrija Redent Magro kien fl-azzjoni bin-numru 8 Grillon d’Ostal. Wara tluq veloċi li rah imur fuq quddiem, ċeda r-rail iżda 700m mit-tmiem kien evidenti li ma kellux biex jikkompeti u kellu jikkuntenta bit-8 post.

Fit-tieni tiġrija kellu jsuq id-debba bin-numru disgħa Elite Sport. Tluq tajjeb wara iż-żiemel bin-numru wieħed rah imur mill-ewwel fit-tieni post fejn Redent baqa jistaporti sal-aħħar 300 metru qabel ma mar jagħmel l-attakk tiegħu fejn f’tiġrija misjuqa perfettament irnexxielu jakkwista t-tieni post.

Biex għalhekk wara l-ewwel ġurnata tal-kompetizzjoni naraw lill-Belġjan Piet Van Pollaert jokkupa l-ewwel post b’19-il punt wara li kien spiċċa fir-raba’ u l-ħames post rispettivament.

Bit-tmien post u t-tieni post, Redent Magro akkwista total ta’ 18-il punt li jfisser li qed jokkupa t-tieni post. Punt inqas fit-tielet post insibu lin-Norveġiż Roar Hop bi 17-il punt.

Il-kompetizzjoni tidher waħda kompetittiva fejn kollox issa jiddependi fuq ir-riżultati li se jinkisbu għada fiż-żewġ tiġrijiet li se jsir fil-korsa ta’ Manacor.

  • 1. Piet Van Pollaert (Belġju) – 19
  • 2. Redent Magro (Malta) – 18
  • 3. Roar Hop (Norveġja) – 17
  • 4. Tomas Linder (Svezja) – 16
  • 5. Jani Suonpera (Fillandja) / Johann Preining Jr (Awstrija) – 15
  • 7. Miquel Vich Capo (Spanja) – 14
  • 8. Soeren Andersen (Danimarka) – 13
  • 9. Zoltan Gyolai (Ungerija) / Erik Van den Bergh (Olanda) – 12
  • 11. Massimo de Luca (Italja) – 9
  • 12. Joey Vignoni (Svizzera) – 8
  • 13. Simon Siebert (Ġermanja) – 2

Sport