Wednesday, December 25, 2024

REGOLATURI

Aqra wkoll

Il-ħidma tar-regolaturi fl-oqsma differenti tal-ħidma ekonomika u soċjali mhiex magħrufa u apprezzata biżżejjed. Biex kollox ikun intqal, niddubita kemm qed tkun effettiva u għal żewġ raġunijiet, għalkemm xi wħud se jgħidu li mhux għalhekk biss.

Fl-ewwel lok, ta’ spiss jinħass li r-regolaturi jinsabu maqbuda bejn diversi tensjonijiet: mill-gvern; mil-lobbies privati tan-negozjanti; mill-għassa li jpoġġu madwarhom l-NGOs; mit-theddida li l-Unjoni Ewropea mhix se tkun sodisfatta li qed jirregolaw is-settur sew skond id-direttivi u r-regolamenti Ewropej. Forsi għalhekk jinħassu timidi wisq, jew vagi fit-tifsiriet li jagħtu, jew (uħud minnhom talanqas) kajmani fid-deċiżjonijiet meħuda.

Imbagħad għad baqa’ l-problema ta’ kif se jinżamm il-bilanċ bejn il-poteri tal-qrati u tar-regolaturi. Li regolatur jista’ jidher bħalha l-prosekuzzjoni, l-ġurija u l-imħallef fi kwistjoni billi jiddeċiedi b’mod “amministrattiv” għadha problema mhux maħlula. Hu kruċjali li dil-biċċa tiġi kklirjata, jekk biss biex inżommu ċerta kredibilità fit-tmexxija ta’ oqsma ekonomiċi u soċjali vitali.

IL-KORRUZZJONI

Waħda mill-aktar stqarrijiet xokkanti li qatt smajt dwar il-korruzzjni f’Malta għamilha barrani fiż-żmien li snin ilu, kien manager tal-kumpanija Bortex. Qatt ma kont f’pajjiż li kien korrott daqs Malta, qalli. Issa kien serva qabel wasal hawn, f’pajjiżi kemm Ewropej u kemm mill-inħawi hekk imsejħa li “qed jiżviluppaw”.

Ipprovajt nifhem eżatt x’ried ifisser, għalkemm baqa’ kawt kif tkellem u donnu beda jiddispjaċih li laħaq telaq ilsienu. Minn kif fisser ruħu, deher ċar li ma kienx qed jirreferi biss għas-sistema tal-gvern imma b’mod ġenerali, mhux l-anqas fis-settur privat, għal kif isir in-negozju fil-pajjiż, kif isiru l-istimi, joħorġu l-kontijiet u jitħaddmu l-ħlasijiet. F’soċjetà fejn kulħadd jaf lil kulħadd, l-omertà u l-ħokkli dahri jikkostitwixxu kultura opaka u permanenti li tiġġedded awtomatikament.

SĦANA U TURIŻMU

Resqin lejn żmien fejn theddida għat-turiżmu fil-Mediterran, inkluż f’Malta, se tkun il-klima? Għax donnu li qed tinbidel sew biex issir dejjem aktar tixbah waħda li tixraq għal deżert fis-sħana qawwija li qegħda tinfirex aktar.

Hu minnu li t-turisti li jfuru lejn is-sud fix-xhur tas-sajf ifittxuha s-sħana… sakemm ma ssirx eċċessiva. Apparti mill-fatt li biex tikkumbatti dit-tip ta’ sħana, ikun hemm bżonn ta’ użu akbar ta’ enerġija. Mhux id-destinazzjonijiet kollha jgawdu mill-faċilità li biha l-pajjiżi tal-Golf Għarbi għandhom aċċess għal enerġija “rħisa”.

Aktar ma jgħaddi żmien, biex it-turisti jinżammu komdi aktar ikollha tiżdied l-ispiża ta’ vaganza. Dan biex ma nsemmu xejn dwar kif għall-abitanti nfushom miżuri simili li jkollhom jittieħdu jżidu fl-ispiża tal-għixien.

It-tisħin tal-klima mhiex theddida astratta u mbiegħda daqskemm jaħsbu xi nies.

Ekonomija

Sport