Monday, October 28, 2024

REGOLI

Aqra wkoll

Fit-tmexxija “moderna” tas-suq ħieles hu aċċettat li għandu jkun hemm salvagwardji biex jiżguraw li l-prinċipji tat-tmexxija tas-suq jibqgħu jiġu rispettati minn dawk li jipparteċipaw fih. B’hekk anke fost l-aqwa appostli tas-suq ħieles, ħareġ qbil li l-istat għandu jaċċerta li l-kompetizzjoni “ħielsa” ma tiġix abbużata minn kumpanija li, ngħidu aħna, kisbet pożizzjoni dominanti fis-suq.

Lil hinn minn dawn il-kunsiderazzjonijiet purament “ekonomiċi”, daħal ukoll maż-żmien għarfien li salvagwardji simili kellhom jiddaħħlu fil-qasam soċjali, biex jassiguraw li per eżempju, qed jiġu rispetttati l-interessi tal-konsumaturi jew l-ambjent. Aktar lejn żmienna daħlu kriterji li jikkonċernaw ngħidu aħna d-diskriminazzjoni razzjali jew bejn il-ġeneri.

Saret kontroversja dejjem għaddejja dwar jekk fit-tmexxija tas-suq “ħieles” issa ddaħħlux wisq regoli li qed ixekklu t-tkabbir ekonomiku. L-aktar wieħed li żviluppa dit-tema bil-qawwi kien il-President Ronald Reagan fl-Istati Uniti. Baqgħet għaddejja sal-lum. Dan aktar ġara fl-Unjoni Ewropea, fejn il-ħarsien tas-suq “ħieles” twaħħad mal-ħtieġa li jinbena suq kontinentali ġdid u magħqud. Il-kontroversja titbandal daqqa naħa, daqqa oħra.

L-OECD

X’sar mill-proposta biex Malta tidħol membru tal-OECD (Organisation for Economic Co-operation and Development) ibbażata f’Pariġi? Xi żmien ilu l-gvern ħabbar fl-aħħar li qed japplika għal sħubija – deċiżjoni siewja. Imma mbagħad xejn aktar.

Veru li l-OECD tiggruppa l-aktar fiha l-pajjiżi għonja u żviluppati, waqt li tħaddem numru ta’ regoli li jistgħu jidhru żejda lill-amministratur Malti. Imma fl-istess ħin, qed tindokra qafas ta’ tmexxija u informazzjoni ekonomika li jagħti ċertifikat ta’ validità lil min isegwih. Mhux l-anqas fil-qasam tat-tassazzjoni.

Ftit ilu tal-OECD ħarġu r-rapport annwali tagħhom dwar liema pajjiżi għandhom l-aktar sistema effettiva ta’ tassazzjoni. F’dar-rapport Malta ma tissemmiex, bil-maqlub tal-pajjiżi l-oħra kollha tal-Unjoni Ewropea.

TENSJONI

Milli naqra, nara, nisma’ it-tensjoni fost il-poplu Amerikan waqt l-istennija għall-elezzjoni presdenzjali tal-Istati Uniti hi kbira u qiegħda tiżdied. Forsi daqs qatt qabel.

Bla dubju, hi kontestazzjoni għall-aqwa kariga politika fil-pjaneta (sa issa). Imma mhux dejjem hekk kienet fl-aħħar seklu tal-anqas? Ukoll jidher li ż-żewġ naħat huma tassew qrib xulxin fil-kont tal-voti… mhux tal-poplu, daqskemm f’tad-delegati mill-istati li se jivvotaw għall-President. F’dan ukoll l-elezzjoni ta’ dis-sena tixbah elezzjonijiet ta’ qabilha, fejn ma nħassitx l-istess tensjoni.

Tgħid, din tqanqlet daqstant minħabba l-polarizzazzjoni personali li kemm Donald Trump ilu fit-tmun tar-Repubblikani rnexxielu jdaħħal? Ma niftakarx li qatt intlaħaq dal-volum ta’ insulti bejn Demokratiċi u Repubblikani li qam fl-aħħar ġimgħat.

Kif nafu mill-esperjenza Maltija, meta l-politika titmexxa b’dan il-mod, it-tensjoni tikber sew. Aħseb u ara meta jiġri hekk mal-firxa kontinentali tal-Istati Uniti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport