Hija xi ħaġa rari li rekord tad-dinja jiġi reġistrat f’round preliminari. Iżda l-mixed team tar-relay 4×400 tal-Istati Uniti hekk għamel meta rreġistra ħin ta’ 3:07.41.
Il-protagonisti ta’ din il-bravura kienu, Vernon Norwood, Shamier Little, Bryce Deadmon u Kaylyn Brown.
Huma kellhom bidu mill-aktar veloċi permezz ta’ Norwood biex imbagħad għaddiet il-baton lid-debuttanta, Little, li żammet il-pass u tat vantaġġ lil Deadmon biex il-baton finali ġarrha Brown lejn ir-rebħa mondjali.
Ir-rekord preċedenti, dak ta’ 3:08.80, kien stabbilit fil-Kampjonati tad-Dinja 2023, f’Budapest, mit-team tal-Istati Uniti ta’ Justin Robinson, Rosey Effiong, Matthew Boling u Alexis Holmes.