MALTA ……………1
ANDORRA ……….0
Malta kisbet rebħa importanti ta’ 1-0 kontra Andorra fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali f’logħba minn Grupp D1 tal-UEFA Nations League. B’hekk il-Maltin għamlu pass kbir li jirbħu dan il-grupp.
Kienet logħba fejn il-Maltin ħolqu ħafna okkażjonijiet u rnexxielhom jiskorjaw fil-bidu tat-tieni taqsima, għalkemm Andorra kienu ferm perikolużi speċjalment lejn l-aħħar tal-partita fejn bdew jagħfsu għall-goal tad-draw.
It-team Malti beda l-partita b’ritmu tajjeb u sa mit-tieni minuta hedded il-lasta avversarja meta Joseph Mbong kellu tentattiv milqugħ mill-goalkeeper Iker Alvarez.
Andorra wieġbu fid-disa’ minuta meta Albert Rosas ittanta xortih, iżda Henry Bonello kien attent u salva.
Malta kompliet tipprova toħloq il-periklu, partikolarment minn sitwazzjonijiet ta’ corner, bi Brandon Paiber u Teddy Teuma li kellhom konklużjonijiet konsekuttivi jgħaddu ftit barra. Madankollu, Andorra bdew jidħlu aktar fil-logħba u fil-15-il minuta Bonello kellu jerġa’ jkun attent fuq tentattiv ta’ Pau Babot.
Fl-20 minuta reġa’ kien Joseph Mbong li pprova lejn il-lasta ta’ Andorra, iżda Alvarez salva. Żewġ minuti wara wasal wieħed mill-aktar mumenti perikolużi tal-ewwel taqsima meta Guillaume Lopez bir-ras laqat il-mimduda bil-Maltin jeħilsuha ħafif.
Andorra komplew jagħfsu u Henry Bonello kellu jagħmel intervent ieħor fil-25 minuta, filwaqt li Enrico Pepe wkoll imblokka tentattivi tal-avversarji.

Malta ma baqgħetx lura u fis-27 minuta xutt ta’ Joseph Mbong ġie mblukkat minn Moises San Nicolas. Ftit wara Alexander Satariano falla l-mira, filwaqt li fit-32 minuta Teddy Teuma kellu tentattiv lejn il-lasta li reġa’ ġie salvat minn Alvarez.
L-ewwel taqsima, li kienet waħda ferm interessanti, għalhekk intemmet fi draw ta’ mingħajr goals.
Il-Maltin bdew bl-aqwa mod possibbli t-tieni taqsima hekk kif fit-48 minuta marru fil-vantaġġ meta Teddy Teuma rċieva tajjeb ferm mingħand Ilyas Chouref u b’xutt mal-ewwel ħasad lill-goalkepeer ta’ Andorra.
Wara l-goal Andorra ppruvaw jirreaġixxu fejn bdew ifittxu l-goal tad-draw u fis-60 minuta Guillaume Lopez kellu tentattiv lejn il-lasta, iżda Bonello reġa’ salva. Malta wieġbet fl-64 minuta permezz ta’ Juan Corbalan, li kellu x-xutt tiegħu milqugħ minn Alvarez.
Andorra reġgħu resqu lejn il-lasta Maltija fl-74 minuta meta Alaez prova xutt, iżda Gabriel Mentz imblokka t-tentattiv. Minuta wara Malta kellha ċans permezz ta’ Paul Mbong, iżda t-tentattiv tiegħu spiċċa barra.
Il-Maltin kellhom opportunità tajba biex jirduppjaw l-iskor fit-80 minuta meta Ilyas Chouaref kellu tentattiv lejn il-lasta, iżda Alvarez salva tajjeb. Żewġ minuti wara Chouaref reġa’ kien protagonista meta tefa’ corner fil-kaxxa, bl-azzjoni tispiċċa b’xutt ta’ Paul Mbong jiġi mblukkat.
Il-Maltin baqgħu jikkontrollaw b’difiża tal-azzar sabiex ħarġu mill-Istadium Nazzjonali b’ċapċip kbir mill-pubbliku numeruż preżenti.

Malta: Henry Bonello, Ryan Camenzuli, Kurt Shaw, Brandon Paiber, Joseph Mbong (Carlo Zammit Lonardelli 71 min), Teddy Teuma (Paul Mbong 56 min), Irvin Cardona, Enrico Pepe (Gabriel Bohrer Mentz 46 min), Ilyas Chouaref (Andrea Zammit 84 min), Juan Corbalan (Zach Muscat 71 min), Alexander Satariano – Coach: Emilio De Leo.
Andorra: Iker Álvarez, Biel Borra, Pau Babot, Max Llovera, Àlexandre Martínez (Jordy Alaez 70 min), Guillaume Lopez, Albert Rosas, Moisés San Nicolás (Christian Garcia 82 min), Aron Rodrigo, Ian Olivera, Ot Remolins – Coach: Koldo Álvarez.
Referee: Mikkel Redder (Danimarka)
Assistenti: Deniz Yurdakul (Danimarka) , René Risum (Danimarka)
Raba’ Uffiċjal: Jacob Karlsen (Danimarka)
Ammoniti: Enrico Pepe, Alex Satariano (Malta), Ot Remolins, Rodrigo, Christian Garcia (Andorra)
Skorer: Teddy Teuma 49 min (Malta)




