Sunday, March 15, 2026

RELIĠJON U POLITIKA

Aqra wkoll

Meta r-reliġjon titħallat mal-politika tant li t-tnejn isiru parti minn xulxin, soċjetà tispiċċa reazzjonarja, ripressiva u bla dubju wkoll korrotta. Dan jiġri anke meta l-forzi reliġjużi jkunu wasslu fl-imgħoddi għall-qawmien ta’ poplu kontra l-ħakma barranija (bħal fil-Greċja taħt it-Torok) jew kontra d-dittattura fewdali (bħal fl-Iran tax-Xa).

Kważi b’mod awtomatiku, meta r-reliġjon tispiċċa tikkontrolla soċjetà, tistenna li fil-qasam tal-governanza ċivili, jipprevalu l-valuri li jżommu kollox ċass quddiem veritajiet li, skont hi, ma jinbidlu qatt. F’das-sens, l-Ewropa għamlet l-akbar avvanzi progressivi. Permezz tas-sekularizzazzjoni, neħħiet il-madmad reliġjuż fuq l-istat bla ma qerdet il-prattika reliġjuża fost ċittadini li riedu jsegwu r-regoli ta’ reliġjon jew oħra. 

Anke f’pajjiżna l-vantaġġi miksuba b’bidla bħal din kienu enormi. Fostna, kif jiftakru nies tal-ġenerazzjoni tiegħi, jekk ma kellniex mullahs li jmexxu l-pajjiż, kellna saff qawwi ta’ kjeriċi li kienu jeżerċitaw kontroll qawwi u tassattiv fuq il-bqija tal-poplu.

INFLAZZJONI ĠDIDA

Osseraturi ekonomiċi u kummerċjali qed ikunu unanimi fil-ġudizzju li l-gwerra tal-Iran se jkollha impatt qawwi fuq il-prezzijiet. Isemmu l-għoli fil-prezz taż-żejt, imma hemm ukoll fatturi oħra – bħall-inċertezzi fit-tbaħħir bejn l-Asja u l-Ewropa; id-dewmien fil-wasla ta’ provisti ta’ materja prima u prodotti lesti; it-tul żejjed fil-vjaġġi li jagħmlu l-ajruplani… 

Jekk tassew l-inflazzjoni tirranka, is-sogru jkun li l-istaġnar li ġarrbet l-Ewropa fl-aħħar snin jissokta. Wara l-isforzi u d-diskorsi li ilhom għaddejja fl-Unjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li l-kompetittività terġa’ titlaq, dan xejn mhu prospett sabiħ. Mhux l-anqas għax malajr jista’ jwassal għal żieda sostanzjali fil-qgħad.

DWAR ELEZZJONI RIESQA

Kull fejn tmur, issib min jistaqsik: allura ġejja elezzjoni f’Ġunju? Veru li kull meta tkun riesqa elezzjoni, b’mod naturali tqum dil-mistoqsija. Qabel l-aħħar waħda, bdiet titqajjem sa minn kważi disa’ xhur qabel… biex ma ngħidx sena. 

Dejjem hekk ġara. Dejjem hekk se jibqa’ jiġri. Kulħadd irid jilgħabha ta’ strateġista elettorali aqwa mill-Prim Ministru tal-ġurnata… L-aspettattiva li titqajjem ikollha l-impatti tagħha, uħud minnhom strambi għall-aħħar. Il-kandidati jibdew jitħarrku u jidhru aktar. Id-deputati fl-aħħar tmisshom il-muża u jħabirku biex jippublikaw artikli fil-ġurnali, barra mill-isforzi akbar ta’ kummentarji online. Il-bekkejja għall-pjaċiri li ħaqqhom u baqgħu ma ngħatawx, jimmobilizzaw. Il-ministri jagħfsu biex jidhru aktar fuq it-TV. L-uffiċjali attivi tal-partiti… jew li baqa’ minnhom: mhux il-partiti; imma l-attivisti dedikati!… jaraw kif se jlestu l-makkinarju x’aktarx imsaddad tal-partit biex jaħdem ħalli joħroġ lill-partitarji għall-vot. Il-mexxejja tal-istħarriġ tal-opinjoni jistinkaw biex jingħataw kuntratti. In-negozjanti jiżnu b’mod kawt fejn, kif u ma’ min se jpoġġu l-għotjiet finanzjarji tagħhom…

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport