Tuesday, November 26, 2024

Reno Calleja jwiegħed li se jibqa’ jaħdem għaż-żgħir

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret f’Jum ir-Repubblika fil-Palazz tal-President, ingħata ġieħ lil għadd ta’ Maltin li ddistingwew ruħhom f’oqsma differenti tal-ħajja b’ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu jew fix-Xirka Ġieħ ir-Repubblika, jew bl-għoti tal-Midalja għall-Qlubija u tal-Midalja għall-Qadi għar-Repubblika.

Hi l-prassi li qabel persuna tingħata dan il-ġieħ, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar jaqra r-raġuni għaliex ikun qed jingħatalu dan ir-rikonoxximent. L-ewwel persuna li ssejjaħ kien proprju l-eks Ministru Reno Calleja.

Ir-raġuni ewlenija li ngħatat biex is-Sur Calleja jingħata dan il-ġieħ kienet ix-xogħol kbir li għamel għal ħafna snin, biex ikattar ir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina.

Dan is-sit talab lis-Sur Calleja jikkummenta dwar dan l-unur fejn beda billi rringrazzja lill-Prim Minsitru Dr Robert Abela hekk kif il-midalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika ngħatat fuq rakkomandazzjoni tiegħu.

Huwa semma kif lura fl-2005, il-Gvern Ċiniż kien onorah bl-ogħla unur ta’ Shanghai, il-Magnolia Prize. Għalhekk qal li huwa ta’ sodisfazzjon għalih li anke l-Gvern Malti wera apprezzament għax-xogħol li għamel. 

Is-Sur Calleja qal li huwa żar iċ-Ċina aktar minn 50 darba. ”Iċ-Ċiniżi jħobbu lil Malta għax minkejja li I-pajjiż tagħna żgħir, Mintoff kellu l-kuraġġ u l-viżjoni li jankra fil-Kostituzzjoni ta Malta l-istatus ta’ newtralità”

Huwa tkellem ukoll fuq il-proġett tal-bini tal-Freeport . “Jiena kont Chairman ta’ bord lil kien jgħasses kif jintefqu l-finanzi u li x-xogħol jitlesta fil-ħin. Kien hemm 30 Ċiniż jaħdmu hemm. Kienu ispirazzjoni għal eluf ta’ ħaddiema li kienu jaħdmu fuq il-proġett bil-bżulija u l-onestà li kellhom.

Is-Sur Calleja fakkar kif 43 sena ilu Mintoff bagħtu ċ-Ċina biex jagħti din il-midalja lill-mara ta’ Xu Hwijung, inġinier Ċiniż li tilef ħajtu traġikament waqt il-bini tad-Dock No. 6.

Dakinhar Mintoff ta dan il-gieħ lil Aldo Moro, l-eks Prim Ministru tal-Italja li nqatel mill-Brigada Rossa u lil din il-mara. Daqstant kellu stima Mintoff għaċ-Ċiniżi,” qal is-Sur Calleja.

Fakkar ukoll li dak meta ppreżenta din il-midalja lill-mara ta’ dan l-inġinier Ċiniż kien hemm 3,000 ruħ f’sala enormi. “Għamilt diskors bil-Malti li qalbu għaċ-Ċiniż, Clifford Borg-Marks, Malti li fi żmien il-Prim Ministru Joseph Muscat inħatar ambaxxatur ta’ Malta għaċ-Ċina.”

Finalment, is-Sur Calleja qal li l-unur li ħa t-Tnejn li għadda se jkompli jixprunah biex sal-aħħar nifs ta’ ħajtu jibqa’ jaħdem għaż-żgħir u għall-għażiża Malta tagħna.

Sport