Għallinqas din id-darba Malta ma ħaditx sehem fil-manuvri militari li saru f’Bergen il-Ġermanja u ntemmu ħamest ijiem ilu fl-10 ta’ Diċembru 2024. Bejn is-16 u t-22 ta’ Ottubru 2023 il-gvern kien bagħat suldati Maltin jieħdu sehem f’manuvri militari f’Cadiż fi Spanja. F’Cadiż ħadu sehem 19-il pajjiż b’2,800 suldat. F’Bergen qed jieħdu sehem 17-il pajjiż b’1,700 suldat. Dawn il-manuvri militari huma parti mill-programm tal-Unjoni Ewropea biex tibni forza ta’ 5,000 suldat għal xi kriżi barra l-fruntieri tal-UE.
Malta newtrali
Il-Kostituzzjoni Repubblikana tagħna li għadna kemm iċċelebrajna l-50 sena tagħha tgħid li aħna pajjiż newtrali, bla bażijiet tal-gwerra u ma rridu nieħdu sehem fl-ebda alleanza militari. Fl-1974 kienu saru sitt seduti fil-Parlament bejn it-3 u t-13 ta’ Diċembru dwar il-Kostituzzjoni Repubblikana. Fil-votazzjoni, d-deputati kollha Laburisti u Nazzjonalisti (ħlief sitta) ivvutaw favur il-Kostituzzjoni Repubblikana. Pajjiżna huwa d-dar komuni tagħna li bnejna flimkien, bil-qbil u bin-nuqqas ta’ qbil, bil-konfrontazzjoni u l-koperazzjoni, b’fehmiet differenti. Ix-xogħol tal-bini ta’ pajjiżna ma jieqafx. Irridu nieħdu ħsiebu bil-għaqal biex intejbu l-ħajja tal-poplu tagħna.
Is-siġra tal-ġid
Fl-1921, bdiewa li jħobbu lill-poplu-ħaddiem u lil pajjiżhom ħawlu siġra li riduha tagħmel ħafna frott tajjeb għall-ġid ta’ kullħadd. Is-siġra mill-ewwel sabet lil dawk li riedu jeqirduha għax rawha ta’ theddida għall-poter tagħhom. Imma l-bdiewa ħadu ħsieb jindukraw lis-siġra mill-aħjar li setgħu. Saqqewha. Kabbruha. Żabruha. Ħarsuha mill-mard. Salvawha mill-attakki kontra tagħha minn barra l-għalqa. Is-siġra ffaċċjat ħafna nkwiet matul is-snin għax l-attakki kontra tagħha ma naqsu qatt. U anki nqasmet f’tempesta minnhom.
L-akbar periklu
Imma salvat. Tat ħafna frott bnin. Kien hemm l-imħassar ukoll. Wara kollox kienet siġra mħawla min-nies, mhux siġra tal-meravilji. L-akbar periklu għas-siġra ma ġiex minn barra. Imma minn fost il-bdiewa stess, minn dawk li flok ħabbewha, vvjolentawha. Flok kabbruha u ħarsuha mill-mard, marrduha huma stess. Miskina dik is-siġra li tkompli tinħaqar minn fost dawk li suppost jieħdu ħsiebha għax tispiċċa timrad, tinxef u partijiet biss jibqgħu jħaddru sabiħ. Biex terġa’ tibda tieħu r-ruħ trid issib lil dawk li jindukrawha, jsaqquha u jiżbruha mill-mard b’imħabba, b’kuxjenza, bil-għaqal u bis-sens.
Politika bla gladjaturi
Il-politika tista’ ssir b’mod edukat, ma tgħajjir, bla ġlied bħall-gladjaturi fejn in-naħat differenti jagħtu ċans lil xulxin iressqu l-fehmiet tagħhom fuq is-sitwazzjoni politika, soċjali u ekonomika f’Malta u lilhinn minnha? In-nies jinteressahom kif jintlaqtu fil-ħajja ta’ kuljum: ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja? għandhom biex iħallsu l-kontijiet? ilaħħqu mal-kera u l-prezz tal-propjeta’? Jinqdew l-isptar u mid-dipartimenti tal-gvern? Sodisfatti bl-iskejjel? X’jista’ jsir dwar li pajjiżna mtela’ bini, traffiku u barranin? Kif qed jintlaqtu bit-tixrid ta’ drogi?
Jekk ma nieħdux bis-serjeta’ l-ilmenti u dak li jweġġa lin-nies, jitilfu l-fiduċja fil-politika. Fil-pajjiż hemm fejn in-nies iħossu li sejrin tajjeb u fejn in-nies iħossu li qed jintlaqtu ħażin. Għalhekk hemm bżonn li l-politiċi jkunu qrib in-nies u jaħdmu għall-ġid tagħhom u jippruvaw isolvu l-problemi li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Jekk il-politiċi jitbiegħdu min-nies, in-nies jitilfu l-interess fil-politika.
Jekk il-politiċi jagħtu każ aktar lin-nies tal-flus li jiffinanzjawhom milli l-bżonnijiet tan-nies, in-nies iħossuhom abbandunati. Il-partit fil-gvern għandu d-dmir juża l-poter għall-ġid tan-nies fil-ħolqien u t-tqassim tal-ġid, f’kif imexxi, f’kif iżomm lill-pajjiżna u x’tip ta’ ħajja jistgħu jgħixu n-nies. Il-partit fl-oppożizzjoni dmiru juri kif se jtejjeb il-ħajja tan-nies u jirranġa n-nuqqasijiet. Jekk dejjem jgħid le u jara kollox ħażin ma jiġbidx biżżejjed nies lejh biex jieħu l-gvern bi programm soċjali, politiku u ekonomiku.