Saturday, December 14, 2024

Repubblikani ma jaqblux ma Trump dwar nominati għall-kabinett tiegħu

Aqra wkoll

Il-president elett tal-Istati Uniti Donald Trump qed jixhed il-karattru kontroversjali tiegħu tant li qed jiġbed fuqu kritika ħarxa minn Repubblikani stess dwar in-nominati tiegħu għal kariga fil-kabinett li jmiss. Repubblikani ta’ grad għoli saħansitra qed jgħidu li persuni nominati mhux biss m’għandhomx kwalifiki fir-rwol li se jkunu afdati fih imma wkoll jistgħu jfixklu l-operat normali ta’ gvern.

Ħafna huma dawk li qed isostnu li Donald Trump qed jinnomina persuni li huma lealissmi lejh aktar milli huma leali lejn il-kostituzzjoni tal-Istati Uniti.

L-aħħar fis-sesnsiela ta’ Repubblikani ta’ grad għoli kritiċi li qed juru nuqqas ta’ qbil ma’ Trump f’Washington huwa l-Ispeaker tal-Kamra Mike Johnson, li nhar il-Ħadd qal li l-President elett Donald Trump qed jisfrutta persuni li se jħawwdu l-istatus quo u li dan huwa d-disinn li Ttrump se jmexxi bih.

Trump kompla jħabbar l-uffiċjali li jrid jimla pożizzjonijiet ta’ grad għoli fl-amministrazzjoni tiegħu, u jidher li jiffavorixxi alleati mill-qrib fuq dawk b’esperjenza politika relatata.

Is-segretarju tad-difiża li Trump għażel, Pete Hegseth, għalkemm ċaħad, għandu fuqu allegazzjoni ta’ attakk sesswali. L-avukat ġenerali potenzjali Matt Gaetz jinsab fiċ-ċentru ta’ skandlu tal-etika. In-nominat għal kariga ta’ segretarju tas-saħħa, Robert F Kennedy Jr, jinsab taħt skrutinju għax-xettiċiżmu tiegħu dwar il-vaċċin.

Iben il-President elett, Donald Trump Jr, filwaqt li nnota li wħud mill-persuni nominati huma “kontroversjali” deher li jirrikonoxxu li xi wħud jistgħu jiffaċċjaw problemi fis-Senat, li għandu l-kompitu li jivverifika n-nominati u jivvota fuq il-ħatriet tagħhom.

Waħda mill-aħħar għażliet ta’ Donald Trump hija n-negozjant taż-żejt Chris Wright, nominat bħala segretarju tal-enerġija. Wright, il-fundatur u l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Liberty Energy, huwa mistenni li jaħdem biex iwettaq il-wegħda tal-kampanja ta’ Trump li jżid it-tħaffir u l-produzzjoni tal-fjuwils fossili.

Wright m’għandu l-ebda esperjenza tal-gvern iżda l-kampanja ta’ Trump semmiet ix-xogħol ta’ Wright ma’ Pinnacle Technologies, kumpanija li waqqaf qabel Liberty Energy, bħala kruċjali għall-użu tal-proċess ta injezzjoni ta’ likwidu bi pressjoni għolja fil-blat taħt l-art, sabiex iġiegħel jinfetħu xquq eżistenti u minnhom itella ż-żejt jew gass.

Il-ħatra ta’ Wright hija rebħa għall-industrija tal-fjuwils fossili. Trump wiegħed li jżid il-produzzjoni tal-fjuwils fossili tal-Istati Uniti aktar milli jinvesti f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħall-enerġija mir-riħ, għan li Wright se jkun strumentali fit-tmexxija tiegħu.

In-nomina ta’ Wright ikkoinċidat mal-wegħda ta’ Biden ta’ assistenza finanzjarja ġdida biex jipproteġi l-Amazonia, inkluż kontribuzzjoni addizzjonali ta’ $50 miljun lill-Amazon Conservation Fund li żżid l-impenn tal-Istati Uniti għal $100 miljun.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport