Saturday, January 17, 2026

RESILJENZA

Aqra wkoll

Ħafna Ewropej qed iqisu b’mod xettiku l-ħila tal-pajjiżi Ewropej biex ikunu tassew effettivi fit-tmexxija tagħhom. Mhumiex influwenzati daqstant mill-kritika pjuttost imħawda tal-Ewropa li qed jagħmlu membri għolja tal-amministrazzjoni Trump. Aktar qed ikunu impressjonati b’avvenimenti għaddejja, kemm fuq livelli għolja tat-tmexxija tal-istat, kemm f’oqsma aktar tekniċi imma meħtieġa bil-kbir biex stat jiffunzjona għall-aħjar ġid taċ-ċittadini tiegħu.

Pereżempju, bil-qagħda politika staġnata fi Franza, fejn ma jistax jitħejja baġit ta’ sena għall-gvern ċentrali għax politikament bil-kompromessi kollha li setgħu saru, m’hemmx maġġoranza parlamentari biex tivvotah.

Jew inkella, l-problema li qamet fir-reġjun ta’ Berlin meta sabotaġġ minn grupp ta’ estremisti wassal biex tinqata’ l-enerġija f’parti kbira mill-belt. Biex il-ħsara tissewwa u mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini jerġa’ jkollhom l-enerġija f’darhom fi żmien ta’ kesħa akuta, għaddew il-ġranet.

Jissemmew eżempji oħra li jpoġġu f’dubju r-resiljenza tal-Ewropa quddiem il-għawġ.

BEJN XA U STAT ISLAMIKU

Matul l-aħħar mewġa vjolenti ta’ dwejjaq popolari fl-Iran, donnu ħareġ fil-beraħ li l-alternattiva għar-reġim oskurantist tal-ayatollah saret it-tmexxija tal-Pahlavi, dixxendenti ta’ dak li kien ix-Xa tal-Persja. Bla dubju, ir-reġim attwali mhux wieħed li tieħu gost tgħix taħtu – hu ftit anqas ripressiv minn tat-Taliban, fl-Afganistan. L-ebda pajjiż immexxi b’id tal-ħadid minn klikka klerikali dommatika ma jista’ jkun attraenti.

Min-naħa l-oħra, il-qagħda xejn ma kienet sabiħa l-anqas taħt ir-reġim tax-Xa, qabel il-wasla ta’ Khomeini. Il-korruzzjoni, it-tberbiq ta’ flus, il-faqar moħbi, l-inġustizza soċjali, ir-ripressjoni ta’ dissidenti kienu qawwija daqs tal-lum!

Il-problemi tal-Iran imorru aktar lura minn dak iż-żmien. Bdew meta l-Istati Uniti u r-Renju Unit mexxew kolp tal-istat li qered il-gvern tar-riformista Mossadegh. Għalihom kien wisq “xellugi”! Dan fis-sena 1953.

KUNTRATTI DIRETTI

Waqt li tajjeb li jingħalaq l-ispazju li fih jistgħu jingħataw kuntratti diretti minn entijiet governattivi, wieħed ma jistax jinjora r-realtajiet li jaffettwaw kull proġett, speċjalment jekk ikun ta’ ċertu daqs.

Ngħidu aħna, ġieli jiġri li waqt li qed jinħadem proġett li dwaru nżammet kompetizzjoni b’offerta publika, jinstab li l-kundizzjonijiet fiżiċi mdaħħla fl-offerta huma differenti minn kif kien maħsub fiż-żmien meta nħarġet. Se jkun hemm bżonn ta’ ħidmiet differenti minn dawk li kienu maħsuba, minħabba aktar spejjeż jew spejjeż fuq arranġamenti differenti milli kien maħsub.

Kif għandhom jinħallu dawn id-diffikultajiet? Billi jinħareġ tender ġdid? Billi tingħata ordni diretta lil min rebaħ dik li nħarġet? Ħaġa ovvja: iż-żewġ toroq joffru skop għal abbużi u għall-korruzzjoni. Min-naħa l-oħra wkoll, fattur importanti jibqa’ jekk il-problema li nqalgħet hix se sservi biex il-proġett kollu jiddewwem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport