Wednesday, May 14, 2025

Reżiljenza qawwija fis-suq tal-propjetà

Żieda ta’ 3.4% fil-kuntratti u 3% fil-konvenji fl-2024

Aqra wkoll

Is-suq tal-proprjetà residenzjali wera reżiljenza qawwija u tkabbir konsistenti. Fil-fatt, fl-2024 kien hemm żieda ta’ 3.4% fil-kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetajiet residenzjali, li laħħqu t-12,594, b’valur totali ta’ €3.5 biljun. Min-naħa l-oħra, il-konvenji żdiedu wkoll bi 3%, li jindika l-aspett pożittiv li qed jiġi sostnut f’dan is-settur. 

Dawn id-dettalji ħarġu waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnieda r-raba’ edizzjoni tar-rapport “The Malta Property Landscape” li sar minn Grant Thornton Malta b’kollaborazzjoni ma’ Dhalia. 

Fir-rapport jisemma l-importanza taċ-ċensiment tal-2021 li wera illi l-istokk tad-djar f’Malta żdied bi 32.8% mill-2011 lil hawn. L-appartamenti u l-penthouses jirrappreżentaw aktar minn nofs dawn il-proprjetajiet, sinjal ta’ bidla kontinwa lejn żoni urbani aktar popolati. 

Ir-reġjun li baqa’ l-aktar attiv kien dak tat-Tramuntana tal-Port (Northern Harbour Region) li ammonta għal 28.3% tal-kuntratti kollha li saru. 

Is-settur tal-kirjiet stejqer b’mod b’saħħtu mill-impatt tal-pandemija tal-Covid-19 fejn irreġistra żieda ta’ 71% fuq medda tal-aħħar għaxar snin. Dawn ix-xejriet jenfasizza kemm il-vijabbiltà u anke l-komplessività ta’ dan is-suq. 

Sadanittant, ir-rapport jenfasizza wkoll l-importanza tal-ippjanar urban strateġiku, l-iżvilupp sostenibbli u l-implimentazzjoni ta’ standards rigorużi tal-bini biex ikun żgurat l-istabbiltà fit-tul tas-suq tal-proprjetà u l-ħolqien ta’ komunitajiet sostenibbli u abitabbli. 

Preżenti għat-tnedija tar-rapport kien hemm il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard li qal li miżuri li qed jittieħdu fosthom ir-rinovazzjoni, m’għadhomx aktar għażla imma saru essenzjali jekk pajjiżna jkun ħieles mill-emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. 

Huwa rrefera wkoll għall-fatt li l-permessi għal żvilupp kummerċjali reġġgħu rritornaw lura għal-livelli ta’ qabel il-pandemija. Għal darba oħra, l-enfasi se tkun fuq l-effiċjenza tal-enerġija, kwalità għolja fil-kostruzzjoni u prattiċi sostenibbli fil-bini. 

Il-Ministru Attard tenna li l-Gvern se jkompli għaddej jimplimenta riformi ambizzjużi f’dan is-settur u semma wkoll kif il-ħolqien tal-Aġenzija ġdida dwar is-Suq tal-Proprjetà mmarka żvilupp pożittiv fir-regolamentazzjoni tal-intermedjarji u tgħolli ’l fuq il-livelli professjonali fis-settur tal-proprjetà kollu. “Din il-miżura tirrifletti rispons pro attiv u ċar biex titkattar it-trasparenza, imġiba etika u kontabbiltà,” qal il-Ministru Attard.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport