Friday, December 13, 2024

“Riċerka u innovazzjoni għall-pass li jmiss”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“L-att dwar l-ispazju”. Forsi meta xi wħud jisimgħu kliem bħal dan, moħħhom jibda jaħseb f’rokits jew astronawti. Forsi is-suġġett għax minnufih hu tekniku, malajr iwassal biex ilissen tbissim jew titlef l-interess. Ma jistax jonqos li jkun hemm min jargumenta li “u aħna pajjiż tant żgħir, x’nistgħu nagħmlu fl-ispazju?”. Fil-pajjiż kien hemm setturi li kien hawn min wera xettiċiżmu lejhom fosthom meta nbdiet ħidma biex nattiraw lejn pajjiżna il-manutenzjoni tal-ajruplani. Kien hemm min wera xettiċiżmu meta l-pajjiż beda jaħdem biex jirreġistra l-bastimenti, fejn illum għandna wieħed mill-akbar reġistri. Illum hu fatt, li l-qasam tal-ispazju hu qasam li jista’ joffri niċċa ġdida għall-pajjiżna. Niċċa ekonomika oħra. Fl-aħħar ġimgħat il-ħidma fuq dan il-qasam ingħatat spinta ‘l quddiem fejn rajna is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti flimkien ma’ esperti jitkellem ma’ kumpaniji kbar fl-Istati Uniti. Żjara li mhux biss stabbiliet il-pedamenti għal din in-niċċa ġdida f’pajiżna, imma se tkun qed tieħu l-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-pass li jmiss. B’rabta ma’ dan is-settur, proprju ftit tal-ġimgħat oħra, f’pajjiżna se titwaqqaf il-kumpanija Spaceomix. 

Din il-kumpanija fosthom is-servizzi li se tkun qed toffri se jkun hemm dak li tgħin u tassisti lil dawk li jkunu interessati li jwettqu riċerka u esperimenti fl-ispazju. Servizz ieħor li se jkunu qed joffru se jkun dak li huma se jkunu qed joffru servizz ta’ 24 siegħa kuljum ta’ monitoraġġ ta’ missjonijiet jew esperimenti fl-ispazju. Servizz ieħor se jkun dak li jaqraw u janalizzaw data minn esperimenti kurrenti fl-ispazju. 

Talk.mt tkellmet mas-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti, dwar iż-żjara li hu kellu fl-Istati Uniti. Mistoqsi dwar kif dan il-qasam tal-ispazju jista’ jolqot lill-pubbliku inġenerali, hu qalilna li “dan hu qasam li jista’ jkun niċċa ekonomika ġdida għal Malta. Meta qegħdin ngħidu dan ikun ifisser li se jkollok settur li se jibda jikber u dan se jikkontribwixxi għal ġid tal-pajjiż. Se jikkontribwixxi għall-kaxxa ta’ Malta. Din hi industrija li tmur oltre minn taħriġ għal astronawti jew produzzjoni ta’ vetturi spazzjali biss. Li qegħdin naraw hu li hemm potenzjal kbir għal dan il-qasam f’Malta fejn jidħlu żgħażagħ, taħriġ u riċerka innovattiva li tista’ twassal għall-prodotti ġodda, titjieb fl-ambjent lokali u globali, kif ukoll titjieb fl-għajxien ta’ kuljum. Hu qasam li permezz tiegħu ir-riċerka u l-innovazzjoni se nieħduhom għall-pass li jmiss. Dan hu qasam li se joffri impjieg ta’ kwalità għall-xjentisti u ħaddiema fl-IT fost oħrajn.

Huwa fatt aċċetat, illi l-ammont ta’ esperimenti li qegħdin jittellgħu fl-ispazju dejjem jikber….Irridu nkunu f’pożizzjoni li ma naqgħux lura 

Kompla jgħidilna li “fis-settur spazjali, hemm per eżempju monitoraġġ  tan-nixfiet li jkunu qed iseħħu madwar id-dinja. Dan jgħinek tippreveni jew tbassar fejn se jkun hemm problemi ta’ nixfiet. Permezz ta’ dan, tkun tista’ tilqa’ minn qabel biex tnaqqas id-dannu jew l-effett negattiv ta’ dawn in-nixfiet fuq min jgħix f’dawk iż-żoni. L-istess ħaġa tgħodd għall-uragani. Jista’ jkollok tbassir siegħat qabel iseħħ uragan u din hi informazzjoni kruċjali u li tista’ tgħin ħafna biex persuni f’żoni milquta ikunu infurmati.”

Tenna li “l-ammont ta’ esperimenti li se jibdew jittellgħu abbord l-istazzjon spazjali fix-xhur u fis-snin li ġejjin se jiżdiedu. Dan għax se jkun hemm madwar erbgħa jew ħames stazzjonijiet spazjali differenti mis-setturi privati globali u ma rridux li bħala pajjiż naqgħu lura jew ma nkunux parteċipi biex nagħtu l-opportunità lil min jixtieq jaħdem, u jispeċjalizza f’dan il-qasam tant innovattiv. Qegħdin naraw li x-xogħol li jrid f’dan il-qasam. Irridu li nkunu preżenti hemm u fuq quddiem biex nilqgħu l-ideat tas-settur privat fuq kwalunkwe qasam relatat. Dawn jinkludu Inġinerija, ix-xjenza, it-teknoloġija, il-matematika u oħrajn”

Kien hemm interess tajjeb ma’ dawk li ltqajna fl-Istati Uniti

Is-Segretarju Parlamentari qalilna li “fil-laqgħat li kellna fl-Istati Uniti, nistgħu ngħidu li l-gvern beda konsultazzjoni dwar il-Malta Space Act b’taħdidiet ma’ SpaceX. Qabel tlajna fl-Istati Uniti konna ltqajna ma’ ditti ta’ awditjar.  Għiditlhom li rridu nagħtu enerġija lil dan is-settur u tkellimna magħhom dwar il-potenzjal. Huma urewna l-potenzjal li jeżisti fosthom li jkollna reġistru ieħor ta’ satelliti u assi relatati mal-ispazju bħal esperimenti li jkunu ġew ddisinjati u maħluqa f’Malta. Nista’ ngħidlek li din l-industrija tal-ispazju qed tiġġenera biljuni kbar madwar id-dinja. Għal Malta, jekk aħna nistgħu nkunu parteċipi b’mod intelliġenti f’parti żgħira minn din l-industrija, tista’ ssarraf f’ħafna ġid. Fl-aħħar snin qed naraw li reġa’ hemm it-tellieqa bejn ċertu pajjiżi kbar għall-qasam tal-ispazju. Fil-passat kellek l-Istati Uniti u Russja u issa għandek l-Istati Uniti, l-Ewropa u ċ-Ċina. Iċ-Ċina diġa għandhom stazzjon spazjali tagħhom ukoll. Il-qasam tal-ispazju hu qasam li jiġġenera madwar €400 biljun mad-dinja.”

Jenfasizza li “wieħed mill-pilastri ewlenin f’dan il-qasam hu investiment dirett barrani. Kemm se nkunu kapaċi nattiraw negozju f’dan is-settur. L-iskop taż-żjara fl-Istati Uniti kien li mmorru għand imsieħba ewlenin bħan- NASA u SpaceX. Tkellimna magħhom dwar il-possibbilità li ssir konferenza f’Malta meta jiġi mniedi l-att dwar l-ispazju. Iddiskutejna wkoll biex studenti tax-xjenza jieħdu intership man-NASA u jsegwu mill-qrib ix-xogħol li jsir hemmhekk”.

Jista’ jkollna Reġistru tas-Satelliti

Jispjega li “SpaceX hi kumpanija li tkellimna magħha. Għidnilhom qed nibnu qafas regolatorju u staqsejnihom kif nistgħu naħdmu flimkien mill-bidu nett, u x’inhuma l-kriterji l-aktar importanti biex huma jersqu aktar viċin lejna. Qasam li nistgħu nesploraw u hemm potenzjal kbir hu ir-reġistrazzjoni tas-satelliti. Bħalissa dawn qed ikunu reġistrati il-Ġermanja. Qbilna li għandu jsir working group u kien hemm qbil ukoll li huma jibdew joffru servizz ta’ internet permezz ta’ Starlink kif diġa hemm fil-bqija tal-Ewropa.”

Pont bejn Malta u l-Afrika fejn jidħol apparat mediku speċjalizzat

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qalilna li “iltqajna ma’ Illumina u esplorajna li nservu bħala pont bejn Malta u l-Afrika. Huma jipproduċu apparat xjentifiku kif ukoll mediku u huma speċjalizzati fil-qasam tal-ġenetika, mard ereditarju, kanċer u ħafna oħrajn. Issa fl-Afrika hemm mard ġenetiku u aktar, u is-suq għadu mhux żviluppat daqs il-bqija tal-Ewropa. Hemm interess biex din il-kumpanija jdaħħlu servizzi, apparat kif ukoll taħriġ f’dan il-kontinent. L-Afrika għadha mhix daqshekk aċċessibbli u Malta tista’ sservi ta’ pont għalihom.

Opportunità biex nibagħtu Maltin fl-Università ta’ Stanford

“Kellna ukoll laqgħa ma’ waħda mill-aktar universitajiet rinomati fid-dinja, dik ta’ Stanford University. Ġibna lura lejn Malta, opportunità biex nibagħtu żewġ persuni fuq taħriġ speċjalizzat f’livelli għola ta’ riċerka u innovazzjoni. Dawn iridu jkunu persuni li jkollhom id-dottorat diġa u lesti li jkomplu jitħarrġu, kif ukoll imexxu parti mir-riċerka bħala post dottorat ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerika għal sentejn.  Finalment se jkunu il-familji u pazjenti Maltin li ser jiggwadanjaw minn dan kollu. Dan hu investiment fil-ħiliet u kapaċitajiet tal-Maltin, u fil-pajjiż. Din l-Università mhix daqstant faċli li tidħol fiha. Huma jaċċettaw inqas minn ħames fil-mija tan-nies li japplikaw biex jitħarrġu f’din l-Università. Permezz ta’ dawn it-taħditiet illi Malta kellha, irnexxiela tassigura opportunità għal min irid ikompli jitħarreġ fis-settur speċjalizzat ta’ riċerka f’oqsma relatati mas-saħħa u bijomedika. Nifhmu wkoll, li dan hu biss l-bidu ta’ triq u ta’ kollaborazzjoni akbar matul iż-żmien li ġej.

L-att dwar l-ispazju nistenna li jkun lest sa’ nofs is-sena d-dieħla

Mistoqsi dwar l-att dwar l-ispazju u meta dan se jidħol fis-seħħ, is-Segretarju Parlamentari qalilna li “dwar dan l-att se tinħareġ it-tender biex tintgħażel ditta ta’ avukati. Ix-xewqa tiegħi hi li jkun lest sa l-aħħar tas-sena. Biss iż-żmien li fadal hu qasir u hu ppjanat li sa nofs is-sena d-dieħla għandu jkun lest. Dan hu settur li qegħdin naraw li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jikber l-interess fih. Kien hawn min ibbanalizzah. Nifhem li din ma tinbidilx mil-lum għal għada, u l-anqas sa sena oħra, speċjalment minn dawk li forsi ma jemmnux fil-potenzjal ta’ dan is-settur. Però, nemmen li r-risposti jaslu meta minn idejat, ħsibijiet, u talent Malti minn ħolm isir realta’ u jsarraf ta’ ġid sew għal dawk li jkunu qegħdin jaħdmu f’dan is-settur ġdid, kif ukoll għal dawk li avolja ma jemmnux, ikunu qegħdin jagħmlu propju użu mis-servizzi u prodotti li s-settur tar-riċerka u innovazzjoni f’Malta se tkun qed toħloq. Ġara l-istess meta bħala  pajjiż għidna li se nirreġistaw l-bastimenti u l-ajruplani. Hemm ħafna data li l-anqas hemm idejn biżżejjed biex janalizzaw u materjal biex ikun analizzat din n-niċċa tant interessanti. M’għandekx bżonn xi spazju kbir imma li għandek bżonn huma nies u set up ta’ sistema ta’ kompjuters.

Il-konferenza tan-Nasa f’pajjiżna … Nitkellmu mal-Professur Joseph Borg

Il-Professur Joseph Borg, li akkumpanja lis-Segretarju Parlamentari fiż-żjara fl-Istati Uniti tkellimna miegħu dwar il-konferenza li n-NASA se tkun qed torganizza f’pajjiżna.

Qalilna “jien kont mistieden fil-passat riċenti, biex nippreżenta ftit mix-xogħol li nagħmlu f’Malta fis-settur tal-bijoxjenza. Din is-sena f’konferenza oħra li ġiet organizzata min-NASA, kien hemm mistiedna kollega tiegħi li ħadet sehem u tkellmet fuq l-avvanzi li diġa ksibna. Is-sena d-dieħla, il-ħsieb hu li waħda minn dawn il-konferenzi ta’ livell internazzjonali ssir f’Malta. Ikollok kelliema li jinkludu eks-astronawtI jew dawk kurrenti, nies minn oqsma differenti tax-xjenza ġewwa n-NASA bħal ‘Jet Propulsion’, xjenzi tas-saħħa, inġinerija, bijoinformatika u kostruzzjoni ta’ apparat li jista’ jittella’ abbord l-istazzjon spazzjali. Permezz ta’ din il-konferenza, dawn se jkunu jistgħu jiġu hawn, jitkellmu kif ukoll isegwu mill-qrib ix-xogħol u l-interess Malti f’dan is-settur.

Il-Professur Borg jgħidilna li “riċerka fl-ambjent ta l-ispazju hija bħal estensjoni tax-xogħol u r-riċerka li diġa ilha ssir f’Malta. Aċċess għall-istazzjon spazjali huwa sempliċiment għodda ġdida ta’ kif nistgħu nħarsu, nifhmu u nitgħallmu kif ċelloli u l-ħajja li mdawrin biha tiffunzjona. Dan it-tip ta’ xogħol u esperimentazzjoni huma kruċjali ħafna biex jiġu skoperti riżultati li fid-dinja ma tistax twettaq. Id-dannu fuq l-għadam, fuq il-muskoli tal-ġisem, anemija u n-nuqqas ta’ ċelloli ħomor tad-demm, problemi tal-vista tal-għajnejn, il-funzjoni tal-qalb u ħafna mard ieħor, jistgħu jiġu studjati b’mod uniku u innovativ f’ambjent li mhux isoltu jsib il-ħajja, f’ambjent hekk imsejjaħ l-ispazju. L-idea ta’ esperiment abbord l-istazzjon spazzjali, nibtet fl-2020. Dan jibni fuq proġett tad-dottorat ta’ Ms Christina Gatt, xjentista u studenta fl-Università ta’ Malta. B’kollaborazzjoni mat-tobba, u xjentisti oħra fosthom il-Professur Kevin Cassar, u Dr Graziella Zahra, hija qiegħda tagħmel ir-riċerka tagħha fuq id-dijabete f’Malta. Mill-parteċipanti fil-proġett li jammontaw għall-aktar minn mitt pazjent, intgħazlu sitta fl-ewwel missjoni, u ħamsa fit-tieni missjoni, u ttieħdu kampjuni ta’ ċelloli mill-feriti tas-saqajn. Dawn iċ-cċelloli ġew esposti u studjati fl-istazzjon spazzjali u issa jiffurmaw parti minn studji xjentifiċi rreġistrati man-NASA u l-Gene Lab. Dawn kienu l-esperimenti fi ħdan il-programm ta’ riċerka msejjaħ Maleth. Irrid ngħid li l-programm Maleth ingħata spinta qawwija mill-gvern, u l-għan tiegħu kien li jikber l-interess u l-investiment mis-settur privat. Dawn jinkludu kumpaniji fis-settur diġitali, informatika, teknoloġija u bijoteknoloġija sew minn Malta, kif ukoll minn barran. Il-kumplikazzjoni tad-dijabete b’infezzjonijiet fis-saqajn iwassal biex ikollna madwar 400 każ fis-sena ta’ qtugħ ta’ saqajn jew parti minnhom. Il-fatt li aħna nkunu nafu kif jaħdmu u kif jaġixxu dawn il-mikrobi f’ambjent bħal dak tal-ispazzju u kif ftit minnhom jippersistu fl-infezzjoni tagħhom, fir-reżistenza għall-mediċini, u mingħajr fejqan immedjat, dan jgħinna biex inkunu aktar effiċjenti meta niġu biex nitrattawhom. Huwa fatt mgħaruf li fl-ispazju dawn il-mikrobi jrabbu reżistenza għall-mediċini. L-istess mikrobi jrabbu reżistenza bħala ulċeri u aħna mbagħad naraw x’hemm komuni u x’hemm differenti. Jekk niskopru fejn hu l-punt l-aktar dgħajjef biex toqtol il-mikrobu, dan jgħinha biex nitrattaw dan it-tip ta’ mard u jsarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar. Permezz tal-programm Maleth, mhux biss sar xogħol bijomediku, iżda rajna wkoll l-ewwel konessjonijiet diġitali bejn Malta u l-istazzjon spazjali internazzjonali. Fosthom din il-komunikazzjoni serviet ta’ mezz biex jipparteċipaw ħafna tfal minn skejjel primarji, u sekondarji.

.

Ekonomija

Sport