Saturday, October 26, 2024

“Riedni nħalli l-bieb magħluq għat-tberik biex jaħsbu li ma ftaħtx… ftaħtu beraħ biex jaraw li kien hu li ma daħalx”

- Mary Grech Mintoff, oħt il-Perit Dom Mintoff

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għaddew 62 sena imma d-domandi jibqgħu. Għalkemm iż-żmien itaffi l-weġgħat, għal ħafna nies li sofrew minħabba l-Interdett, ċerti avvenimenti ma jintesew qatt. Fi kliemhom stess, ‘jgħaddi kemm jgħaddi żmien ma jitilqu minn moħħhom’. Il-mistoqsijiet jibqgħu hemm. Min iżżewweġ fis-sagrament. Min ma tawhx sagramenti.

Min m’għammdulux it-tfal. Min kellu nies tal-familja li sfaw emarġinati. Proprju 62 sena ilu bħal bieraħ, ingħata l-Interdett mill-Kurja Maltija fuq il-membri tal-Eżekuttiv Laburista u wara dan infirex fuq il-Laburisti kollha.

Mary Grech Mintoff, oħt l-eks Prim Ministru Dom Mintoff, li llum għandha 93 sena, meta tkellmet ma’ talk.mt dwar l-esperjenzi tagħha u tal-familia fl-Interdett, iddikjarat li “lili affettwatni ħafna. Aħna konna noqogħdu l-Isla. Dak iż-żmien kont Laburista kbira. Kien żmien fejn il-Laburisti ma kinux jaqtgħu qalbhom. Ma kinux jibżgħu.

L-Arċipriet tal-Isla kien jiġi minn nanna tiegħi u filfatt omm ommi kunjomha kien Burlo. L-ommijiet kienu jiġu kuġini. Konna ħbieb ħafna. Konna qrib ħafna ta’ xulxin. Biss meta inqalgħet il-kwistjoni tal-interdett, l-Arċipriet beda jżomm mal-Isqof.”

“Inqalgħet kwistjoni fit-tberik… riedni nżomm il-bieb magħluq u jien aktar ftaħtu u ftaħt l-antiporta ukoll”

B’vuċi pjuttost vivaċi u soda, imma li trid twassal il-punt li minkejja li għaddew is-snin baqgħet ferma miegħu, Mary qaltilna li “niftakar il-każ ta’ meta kien wasal it-tberik. Dak iż-żmien jien kont tqila b’Ivan.

L-Arċipriet tal-Isla, kien bagħat jgħidli ma’ oħtu – li konna ħbieb kbar u konna ninġiebu ħafna, li fit-triq tagħna kien ġej hu ibierek. Din qaltli li ħuha l-Arċipriet kien qalilha biex tgħidli biex inżomm il-bieb dejjem magħluq u dan biex ma jidhirx li hu qabiżna. Issa jien il-bieb tad-dar, dejjem kont inżommu magħluq u qatt ma kont inħallih fuq l-antiporta kif kien hawn min jagħmel. Spjegatli li hu qalilha li għandi nżomm il-bieb magħluq biex hu ma jidhirx li qabiżna peress li kienu jiġu minna u konna ħbieb kbar.

L-Arċipriet ma riedx juri lin-nies li qabiżni. L-idea tiegħu kienet biex in-nies jgħidu li jien żammejt il-bieb magħluq u ma ftaħtlux u mhux hu ma ġiex”.

“Din m’għoġbitnix u bgħattlu risposta lura li l-bieb se niftħu beraħ”

“Irrabjajt meta smajt hekk. U għiditilha lill-Arċipriet għidlu jien il-bieb tiegħi dejjem magħluq u kieku ma’ qal xejn il-bieb kien jibqa’ magħluq u jien ma kont inkun naf xejn.

Imma issa la bagħat din ir-risposta, għidlu li jien il-bieb se niftħu beraħ. Jekk irid jidħol. Jekk ma jidħolx tkun għażla tiegħu. Jien ħallejtu miftuħ. Jien stennejt li nara li jkun beda jbierek fil-bidu tat-triq u kif rajtu hemm, ftaħt il-bieb beraħ. Jien qgħadt attenta u nsegwi ħa nara x’se jiġri. F’daqqa waħda nisma’ geġwiġija sħiħa. Kien hemm waħda li kienet prostituta u daħal għandha. Kien hemm għajat u kommossjoni sħiħa.

Ħriġt ħa nara x’qed jiġri eżatt għax ma bdejtx nifhem. In-nies li kien hemm bdew jgħidu daħal għand din – il-prostituta, u ma daħalx għandna. Jien kif rajt dawk in-nies jitkażaw, dehrli li kelli nitkellem u nintervjeni, allavolja jien l-ħsieb tiegħi kien li nsegwi x’se jiġri biss. Bdejt ngħid lin-nies li dik il-mara li daħal għandha ma taħti xejn. Bdejt ngħidilhom li x’tagħmel dik il-mara affari tagħha u m’għandhomx jitkażaw biha. Bdejt ngħidilhom li dik ma taħti xejn”. Mary tgħidilna li jien kont għamiltha ċara ma oħtu li la ma daħalx dakinhar tat-tberik, f’darna aktar ma jidħolx.

Fir-Rhodesia ma kontx nitqarben…ġie qassis u qalli li dak li għamlu Malta ma jgħoddx għal hemm

Minħabba x-xogħol tar-raġel tagħha, Mary kienet tgħix fir-Rhodesia ukoll, li llum hu ż-Żimbabwe. “Hemmhekk konna noqogħdu ġo barraks. Konna nmorru għal quddies u darba minnhom ġie l-qassis u qalli li kien innota li jien kont inmur regolari l-quddies imma ma kontx nitqarben.

Għedtlu b’dak li kien għaddej f’Malta. Kont għedtlu li min jaqra l-gazzetta tal-Partit Laburista kellu l-interdett. Dan baqa’ skantat u qalli mela Malta jsiru dawn l-affarijiet. Kien spjegali li dak li kienu qed jagħmlu Malta u dawk l-ordnijiet li inħarġu ma kienux jgħoddu għar-Rhodesia u li stajt nitqarben.”

Oħti fil-klawsura… qaluli li għaddiet minn martirju… iżolata u torqod fl-art bħala kastig

Mary tgħidilna li “niftakar li konna ġejna mir-Rhodesia u kienet ġiet oħt l-Arċipriet għandi. Kienet inkwetata ħafna. Qaltli “ma nafx jekk tafux imma oħtok jidher li qed titraqqad fuq saqqu fl-art fil-kunvent”. Lanqas ridt nemmen. Skont oħt l-Arċipriet dan kien qed iseħħ minħabba l-interdett u għax kienu jafu li hi oħti. Oħt l-Arċipriet qaltli li kienu qegħdin jiżolawha u anke waqt l-ikel fuq il-mejda ma kinux ipoġġu ħdejha.

Dan kien dak li qaltli. Oħti qatt ma tkellmet. Illum m’għadhiex magħna, dan hu dak li smajt. Konna inkwetajna ħafna. Dan hu dak li kienu qalulna, jiġifieri l-kelma tagħhom kontra l-kelma tal-oħrajn”.

Kellna każ fuq mediċina…mort il-kunvent u ffaċċjajthom

“Irrid ngħid imma li kien hemm esperjenza li xejn ma kienet feliċi u kont jien stess li mort il-kunvent u insistejt li nkellem lill-madre. Jien spiżjara u oħti kull meta kienet timrad jew ikollha bżonn xi ħaġa bħal injezzjoni għall-kontra id-deni, biex jiffrankaw xi ħaġa kienu jiġu għandi għar-riċetta għax ma kontx inżommilhom flus. Kont inmur il-kunvent u intihomlhom.

Darba minnhom irċevejt ittra. Fiha kienu qaluli li oħti għandha d-deni. Għamilt ir-riċetta u xtrajt il-mediċina u mort biha. Fit-triq indunajt li d-data ta’ fuq l-ittra kienet mod u d-data fuq l-envelop kienet ġimgħa wara. Għidt issa ngħid lill-Madre. Hemmhekk għandhom ir-rotella, tpoġġi l-affarijiet fiha u jeħduhom. Lis-soru li ħadithom għidilha li nixtieq inkellem lill-Madre. Hi weġbitni li ma setgħetx dak il-ħin għax kienet imħabbta ħafna. Qaltli agħti ċans nofsiegħa. Bqajt hemm u l-ħin għaddej u ma jitfaċċa ħadd.

X’ħin saru xi nofsinhar neqsin kwart, ġiet u qaltli mhux se tkellmet għax għandha x’tagħmel. Għedtilha għidilha li rrid inkellimha u jekk ma tiġix kont se nisfronda l-bieb. F’xi ħin ġiet oħti u bdiet tgħidli biex inmur u ma naqlax inkwiet. Riedet tkun taf x’ġara u għaliex kont irrabbjata. Bqajt ninsisti u stajt nara li oħti bdiet tinkwieta u tistaqsi ‘x’ġara, x’ġara”. Fl-aħħar ġiet il-Madre u magħha kelllha għadd ta’ sorijiet. Għedtilha li stajt inkellimha waħidha. Qaltli li għandi nkellimha quddiem kulħadd. Spjegajtilha kif l-ittra kellha data mod u fuq l-envelopp fit-timbru id-data kienet ta’ ġimgħa wara. Il-mistoqsija tiegħi kienet għaliex kien hemm differenza ta’ ġimgħa bejn id-data fuq l-ittra u dik fuq l-envelopp. Staqsejt għaliex waslitli ġimgħa wara. Qaltli mela taf x’ġara, min imposta l-ittra nesa jimpostaha.

Għedtilhom dak l-anzjan li kien jimposta l-ittri kien baqa’ skantat kif ġejt mill-ewwel. Għedtilha tajtielu u nesa jew domt ma tajthielu? Qatli ma tarax għaddejtha mill-ewwel. F’dan il-mument oħti, tkellmet. Ħarbitilha li “mela domt ma ġejt mhux għax insejtni”. Wara kont sirt naf li kien hemm min qalilha li kont insejtha u li kont qed nixba inżurha.”

“Meta mietet oħti…..kienet ġiet fuqi u qaltli aħfirli…jien għedtilha għid lil dak ta’ hemm fuq”

“Niftakar meta mietet oħti, kienet ġiet fuqi u qaltli ‘aħfirli’. Għidtilha mhux lili trid tgħid imma lil dak ta’ hemm fuq. Jien imbagħad qatt ma mort ‘l hemm aktar.” Mary tgħidilna li dawn huma weġgħat li allavolja għadda żmien għadni niftakarhom qisu lbieraħ. Tgħidilna li dawn il-ġrajjiet qishom inkitbu f’moħħha u hi l-mewt biss li tista’ tħassarhom.

Ma ridux jgħammdu lit-tifel… ġie jgħammed il-Papas tal-Griegi minflok

Mary tirrakkonta li meta ġiet biex tgħammed kienu infurmawha li ma kinux se jgħammdulha. Niftakar kien ġie l-Papas tal-Griegi u kien għammidli hu. It-tarbija li twieldet ir-Rhodesia kien Ivan Grech Mintoff.

Niftakar każ ukoll fejn kien hemm mara li kienet Laburista u din marret fuq San Filippu biex tixgħel xemgħa quddiem ir-Redentur. Din qabditilha ix-xemgħa u kien hemm kommossjoni. Il-qassis minn fuq l-artal qal li dak kien kastig minn Alla”, ittemm tgħidilna Mary.

“Ma riedx jgħammidni għax ‘kont in-neputi tax-xitan’”

Jikkummenta ukoll Ivan Grech Mintoff u jgħidilna li “weġgħajna ħafna b’dak li kien seħħ. Niftakar lil ommi tgħid li l-Arċipriet ma riedx jgħammidni għax ‘kont in-neputi tax-xitan’.

Minkejja t-tbatijiet kollha li għaddejjna minnhom bħala familja, il-patri, il-perit, iz-zija li kienet soru, jien xorta nafda f’Alla f’dak kollu li nagħmel. Nipprova nimxi wara t-twemmin tan-Nazzaren li inqisu bħala l-akbar Soċjalist li qatt rat id-dinja bħal ma kien isejjaħlu z-ziju Dom meta konna nitkellmu fuqu. Minkejja dak li għaddiet minnu ommi, xorta baqgħet fidila lejn Alla. Kuljum tgħid ir-rużarju, titqarben u tisma ‘lquddies”.

Sport