Sunday, May 19, 2024

Antoine Magaud jirbaħ is-27 edizzjoni tat-Tour Internazzjonali ta’ Malta

Aqra wkoll

Antoine Magaud ta’ Uni Sport Lamentinois rebaħ b’ċerta awtorita’ din is-27 Edizzjoni tat-Tour ta’ Malta minkejja li fl-aħħar tigrija tal-lum spiċċa l-ħames meta bosta ċiklisti daħlu kważi fi grupp wieħed. B’hekk huwa spiċċa l-ewwel overall f’ħin ta’ 4 siegħat, 16 minuta u 52 sekonda. Huwa rebaħ it-tieni tappa u spiċċa t-tieni fit-tappa l-oħra. Fit-tieni post tal-klassifika ġenerali spiċċa Simone Cerio ta’ ASD Team Simo Bike (4.18:43). Fit-tielet pożizjoni spiċċa Julien Amadori ta’ Team France Clubs Defense (4.19:21).

L-aħħar tappa li saret kienet tiġrija fuq iċ-ċirkwit tal-Bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn l-Elite għamlu 15 il-dawra għal distanza ta’ 63.5 kilometru, filwaqt li n-Nisa u l-Masters għamlu 12 dawriet għal distanza ta’ 43 kilometru. Għal darb’oħra t-temp kien wieħed favorevoli fejn Bernard Galea (SPRNT UK), Malti li jgħix fl-Ingilterrra    rebaħ din it-tiġrija f’ħin ta’ (1.35:34). Warajh kważi bl-istess ħin ta’ 1.35:35 daħlu Damien Lapouges (Team France Clubs Defense) u  Simone Cerio.         

Il-kategorija tan-Nisa intrebħet mill-Franċiża Catheline Ramonet ta’ Team France Clubs Defense f’ħin totali ta’ 3.37:49. Seħbietha Johanna Brocco spiċċat fit-tieni post tal-klassifika finali f’3.38:15. Marie Claire Aquilina tat-Team Greens spiċċat it-tielet, 9 sekondi wara.

Fit-tappa tal-lum, il-kategorija tan-Nisa reġgħet intrebħet għat-tielet darba konsekuttiva milll-Franċiża Catheline Ramonet ta’ Team France Clubs Defense f’ħin ta’ siegħa u 33 minuta. Il-Maltija Marie Claire Aquilina tat-Team Greens reġgħet spiċċat it-tieni, sekonda biss wara r-rebbieħa, filwaqt li Johanna Brocco (Team France Clubs Defense) daħlet fit-tielet pożizjoni f’ħin ta’ siegħa, 33 minuta u 4 sekondi.

Il-kategorija tal-Masters intrebħet minn Daniele Lazzari ta’ ASD Team Simo Bike f’ħin totali ta’ 3.06:07. Fit-tieni post spiċċa Etienne Bonello tat-Team Greens 3.06:38 u sieħbu tal-istess klubb Joaquim Rojas spiċċa t-tielet f’ 3.06:57.

L-aħħar tappa ta’ din il-kategorija tal-Masters intrebħet minn Stefano Consigli ta’ ASD Team Simo Bike f’ħin ta’ siegħa, 16 il-minuta u 42 sekonda. Bl-istess ħin spiċċa miegħu fi spirint finali żewġ ċiklisti tat-Team Greens, Etienne Bonello u Joaquim Rojas.

Bħala l-ewwel Malti Overall, fil-Kategorija Elite spiċċa l-ewwel Bernard Galea (SPRNT UK), Malti li jgħix l-Ingilterrra f’ħin ta’ 4.25:36. It-tieni l-aħjar Malti kien John Camilleri (B’Kara SJ) f’ħin ta’ 4.26:41, mentri fit-tielet post tal-aħjar Malti spiċċa Clive Ebejer (Team Greens) f’ħin ta’ 4.27:47. Fil-Kategorija tan-Nisa bħala Overall Maltin spiċċaw rispettivament tliet ciklisti tat-Team Greens, Marie Claire Aquilina (3.38:24), Diane Muscat (3.52:41) u Juleanne Vassallo (3.54:20). Fil-Kategorija tal-Masters, bħala l-ewwel Malti Overall spiċċa Etienne Bonello tat-Team Greens (3.06: 07), sieħbu Nicholas Schembri (3.16:22) u Josef Bonavia ta’ Mosta A.F. Sign Studio (3.16:50).

Għal darb’oħra dan it-Tour sar taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu u din is-sena kien appoġġjat mill-Kunsill Reġjonali tal-Lvant li huwa magħżul bħala ‘Ir-Reġjun Ewropew tal-Isport għas-sena 2023’ minn ACES – European Capitals and Cities of Sport.

Fi tmiem dan l-aħħar saru diversi premjazzjonijiet mill-Onor. Graham Bencini, kelliem għal Isport minn naħa tal-Oppożizjoni, mill-uffiċjali għolja tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, John Zammit, Joe Bajada u Daniel Borg Olivier, President, Segretarju Ġenerali u Teżorier rispettivament, kif ukoll minn Nigel Gougall mill-Kumitat Organizzattiv.

Preżentazzjonijiet oħra kienu lil Aġenzija tas-Sistemi ta’ Infurzar Lokali (LESA) bit-Tour of Malta Special Award, u l-Cliff Micallef Merit Award lil Kunsill Reġjonali tal-Lvant.

Il-Kumitat Organizzattiv tat-Tour jixtieq jesprimi r-radd il-ħajr tiegħu lil SportMalta, Kumitat Olimpiku Malti, lill-Kunsill Reġjonali tal-Lvant, J. Portelli Projects, Transport Malta, Kunsilli Lokali rispettivi ta’ Birkirkara, San Pawl il-Baħar u Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll lill-Aġenzija tas-Sistemi ta’ Infurzar Lokali (LESA), ARRTS Timing System u l-Palazzin Hotel u lill-klubbs parteċipanti kollha għall-appoġġ tagħhom.

Sport