Sunday, December 22, 2024

Riesaq lejn tmiemu l-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wasal fl-aħħar fażi tiegħu l-proġett li qed isir fil-pjazza ewlenija tal-Mellieħa. Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €1.8 miljun u għandu l-għan li jżid l-aċċessibilità, itejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti Melliħin u anke l-għaqdiet soċjali, filwaqt li jtejjeb il-prodott turistiku f’din il-lokalità turistika. 

Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fuq il-midja soċjali fejn qal li dan il-proġett kien wieħed bżonnjuż. Huwa beda biex spjega li saret konsultazzjoni estensiva mal-għaqdiet kollha involuti fil-festa u ngħaddew is-servizzi kollha minn taħt il-pavimentar. 

Qal ukoll li l-encroachments tal-imwejjed u s-siġġijiet se jiġu mmarkati bi pjanċi żgħar tal-istanless steel mal-art sabiex tinżamm l-ordni fil-pjazza. 

Il-Ministru Bartolo enfasizza wkoll li l-apprezzament tan-nies wassal sabiex nibtet l-idea li l-pjazza tiġi żona pedonali. “Madankollu, nemmen li għandu jinstab parkeġġ alternattiv, possibilment wieħed jikkunsidra ż-żona fuq wara tal-Knisja Arċipretali u li tkun idea tajba wkoll li jinbeda servizz ġdid ta’ trasport (shuttle service) biex il-Pjazza tibqa’ aċċessibbli għal kulħadd,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

Qal li jekk kemm-il darba tkun żona pedonali, allura jkunu jistgħu jitpoġġew diversi planters kbar b’siġar u anke bankijiet li jikkumplimentaw ix-xogħol tant tajjeb li sar. Dawn jitpoġġew fil-ġenb tal-Pjazza u jitneħħew għal żmien il-festa sabiex jintrama l-armar kollu li jkun hemm f’dan iż-żmien tant sabiħ tas-sena.

Il-Ministru Bartolo temm jgħid; “Fuq kollox nappella għall-maturità sabiex id-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu mmirati li dan l-ispazju miftuħ ikun jista’ jitgawda minn kulħadd, b’mod speċjali l-Melliħin. Inħares ‘il quddiem li fi ftit tal-ġimgħat oħra bħala komunità Melliħija nkunu qegħdin ninawguraw b’mod uffiċjali dan il-proġett li verament irriġenera l-qalb tal-komunità Melliħija”.

Ekonomija

Sport