Saturday, December 21, 2024

RIFORMA BIEX JINQERED IL-KLIJENTALIŻMU

Aqra wkoll

Dan l-aħħar reġgħet qamet id-diskussjoni fuq il-proposta riforma elettorali, riforma li ilha fuq il-ħsieb ta’ uħud għal ħafna żmien. Ikolli ngħid li fuq dan is-suġġett għandi opinjonijiet b’saħħithom mhux biss minħabba s-sistema nnifisha, imma wkoll minħabba kif is-sistema tirrelata mal-kultura politika Maltija.

Malta pajjiż żgħir. Aktar minn hekk, Malta pajjiż Mediterranju. Ma nkun qed ngħid xejn ġdid jekk ngħid li l-Mediterran ma tantx hu magħruf għall-prattiċi etiċi tiegħu. Jekk xejn jekk is-sistema politka Mediterranja hija magħrufa għal xi ħaġa, din ix-xi ħaġa indubjament hija l-klijentaliżmu. Naturalment, il-fatt li aħna żgħar iservi biss biex ikompli jżid l-effetti tal-istess klijentaliżmu u dan jafu kulħadd. Għaldaqstant, meta ngħidu li Malta rridu naqtgħu l-klijentaliżmu, irridu nħarsu mhux biss lejn is-sistema elettorali, imma wkoll il-modus operandi nnifsu tal-Gvern.

Ibda biex, ma jistax jibqa’ jkollna sistema fejn kostitwent imur għand Membru Parlamentari jew Ministru u jippretendi li jsolvilu l-problemi kollha li jkollu. Tgħiduli allura, ma nistaqsix għal dak li hu tiegħi bid-dritt? U mela ma tistaqsix x’waħda din! Imma m’hemmx il-bżonn li tistaqsi lid-Deputati Parlamentari u l-Ministri. Għandu jkun hemm one-stop-shop tal-customer care fi ħdan il-Gvern li jgħin b’dik il-materja. M’għandux ikun ix-xogħol tal-Ministru jew l-istaff tiegħu li jagħmel hekk. Anzi, xogħol il-Ministru u l-istaff tiegħu għandu jkun li jara li l-policies tal-Gvern jiġu implimentati biex fl-aħħar mill-aħħar jibbenefika l-poplu kollhu. Aktar minn hekk pero’, persuna li m’għandiex raġun ma’ jistax ikun li tibqa’ tuża l-vot bħala theddida. “Jew taqdini jew ma nivvutax”, u kummiedji oħrajn hemm bżonn li jinqatgħu darba għal dejjem, u r-riforma fil-customer care l-ewwel ħaġa li trid issir biex jibda jkun hawn bidla fil-mentalità.

Riforma Elettorali?

Naturalment, hemm bżonn reali wkoll li tiġi diskussa is-sistema elettorali li semmejt fl-ewwel paragrafu. Nitkellmu ħafna fuq is-single transferabble vote u kif jiġi utiliżżat Malta. Jien pero’ ser immur direttament għal kwistjoni oħra li għalkemm mhix eżattament riforma elettorali, hija intrisikament marbuta magħha: kif jiġi appuntat il-kabinett. Is-sistema Parlamentari Maltija tfisser li biex Ministru jsir Ministru jrid l-ewwel jiġi elett bħala Deputat. Mhux l-istess għandek pajjiżi oħrajn, fejn persuna tista’ tiġi appuntata fil-kabinett anke jekk ma tkunx Deputat Parlamentari. Ngħid għalija personalment, għandi għal qalbi ħafna s-sistema Amerikana.

Fl-Amerka, il-fatt li l-Kabinett jagħżlu l-President, u li jista’ jdaħħal teknokratiċi fih, jgħin mhux ftit biex jintlaħaq bilanċ bejn Kabinett politiku imma wkoll b’elementi akkademiċi u speċjaliżżati. Membru tal-Kamra jew tas-Senat Amerikan madanakollu, irid jirreżenja minn dik il-pożizzjoni biex jidħol fil-Kabinett jekk dejjem jiġi magħżul mill-President. Dan fl-aħħarnett jassigura indipendenza totali bejn il-mod kif jaħdem il-kabinett (jiġifieri l-eżekuttiv tal-pajjiż) u l-parlament (jiġifieri l-leġiżlattiv tal-pajjiż).

Aktar ma’ jgħaddi ż-żmien, aktar nikkonvinċi ruħi li riforma ta’ din ix-xorta hija waħda li għandna bżonn bħala pajjiż. Mhux biss din ir-riforma pero’, għax hemm ħafna x’wieħed jiddiskuti, fosthom pereżempju l-fatt li d-deputati għandhom ikunu full-time u għandu jkollhom aċċess għall-staff li jgħinhom bir-riċerka. Biss pero’, dik diskussjoni għal darb’ oħra. Tislijiet lil kulħadd.

Ekonomija

Sport