Sunday, April 28, 2024

RIFORMA BŻONJUŻA KONTRA L-ISFRUTTAMENT TA’ ĦADDIEMA BARRANIN 

Aqra wkoll

Riforma li ilha mistennija biex ma tħallix aktar sfruttament ta’ ħaddiema barranin li jiġu jaħdmu fostna jidher li ġiet milqugħa tant li ma kien hemm ebda kritika dwarha mill-imsieħba soċjali. Dan ifisser li din ir-riforma hija punt ta’ tluq fid-direzzjoni t-tajba. 

Bir-riforma li se jwettaq il-Gvern, tliet aġenziji tax-xogħol konnessi mal-ħaddiema barrani se jingħaqdu taħt kappa waħda bil-għan li jkunu regolati. B’hekk mhux biss se jkunu mitigat l-isfruttament tagħhom imma wkoll se jkun regolat kemm ħaddiema barranin jistgħu jinġiebu jaħdmu f’Malta. 

Dan kollu joħroġ mill-obbligu tal-liċenzja, bid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg (DIER) se jibda jilqa’ l-applikazzjonijiet mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, filwaqt li l-liġi se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’April tal-istess sena. L-operaturi, imbagħad, se jingħataw ċans sal-1 ta’ Ġunju 2024 sabiex jaġġustaw l-operat tagħhom. 

Għalhekk se jkun jista’ jopera biss min ikollu liċenzja maħruġa mid-DIER. Nemmnu li b’dawn ir-regolamenti ġodda, l-awtoritajiet ikollhom viżibiltà ta’ dawn l-operaturi kollha fis-settur, jassiguraw li fil-pajjiż jiġu ħaddiema skont il-ħtieġa u li jiġi evitat l-abbuż fuq dawn il-ħaddiema.

Il-General Workers’ Union (GWU) ilha tisħaq fuq il-bżonn li jkunu regolati dawn l-aġenziji abbażi tal-bżonn li pajjiżna għandu ta’ dawn il-ħaddiema biex jissodisfaw id-domanda fis-suq tax-xogħol. Huwa f’dan il-kuntest li l-unjin saħqet li ħadd m’għandu jieħu vantaġġ mis-sistema għad-detriment ta’ dawn il-ħaddiema. 

Paripassu ma’ din il-liġi, il-Gvern se jissokta bid-diskussjonijiet mal-msieħba soċjali sabiex jidħol il-prinċipju tal-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur, xi ħaġa li l-unjin ilha wkoll tisħaq ħafna fuqha. Nemmnu li għalkemm din hija riforma oħra li tingħaqad ma’ oħrajn favur l-interess tal-ħaddiem, jeħtieġ li l-proċess jieħu l-ħin meħtieġ sabiex fl-aħħar mill-aħħar id-diskussjoni twassal għall-qbil li minnu jibbenefikaw dawn l-istess ħaddiema. Tajjeb li mill-kliem ngħaddu għall-fatti u l-frażi time is up li kellha interpretazzjonijiet differenti minn kelliema taż-żewġ naħat fil-Kamra tar-rappreżentanti, tkun tfisser li issa verament jitwaqqaf darba għal dejjem l-abbuż minn dawk li biex iħaxxnu bwiethom fl-aħħar snin ġabu ħaddiema barranin li fl-aħħar mill-aħħar irriżulta li ma kellhomx il-kwalitajiet biex jaħdmu f’dan il-pajjiż. Dawn spiċċaw f’sitwazzjoni ta’ disperament fejn kellhom jintbagħtu lura f’pajjiżhom mingħajr flus u ikel għax il-karta tagħhom li jiġu u jibdew karriera f’pajjiżna ma kienet xejn għajr abbuż riżultat ta’ nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-passat.

Sport