Wednesday, April 24, 2024

“Riforma li ma tħallix l-istat jibqa’ jagħlaq għajnejh quddiem realtajiet ta’ inġustizzji”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt it-tieni qari b’rabta mal-abbozz ta’ liġi li jwaqqaf l-Awtorità għall-użu responsabbli tal-kannabis, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jeħtieġ li kull individwu fil-Kamra jistaqsi jekk daħalx fil-politika biex jindirizza r-realtajiet soċjali jew biex jabdika mir-responsabbilità meta jkollu jaffaċċja realtajiet bħal dawn.

Abela sostna li ż-żewġ naħat tal-Kamra għandhom id-dmir li jibnu soċjetà aktar ġusta u li tkun aktar ħanina. Huwa sostna li filwaqt li jeħtieġ li jiġu indirizzati l-inġustizzji tal-passat, jeħtieġ li ma jkunx hemm inġustizzji ġodda li jitħallew jgħollu rashom. 

“Għaliex issa din ir-riforma?”

“Kien hemm min staqsa imma għaliex issa? Kien hemm min staqsa għaliex mhux wara l-elezzjoni? Sempliċi għax dan il-gvern għandu l-mandat biex jibda din id-diskussjoni li fiha seta’ jipparteċipa kulħadd. Kulħadd, anke l-Oppożizzjoni kellha ċ-ċans tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha, iżda l-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas kien jaf li ġiet ippubblikata white paper u sakemm għalaq il-perjodu ma konniex nafu dak li temmen fih l-Oppożizzjoni. Mhux hekk għamlu 350 entità oħra li esprimew l-opinjonijiet tagħhom”, Żied jgħid il-Prim Ministru.

Huwa sostna li hemm raġuni valida aktar minn dik. Din hija li kull ġurnata li tgħaddi, l-istat qiegħed jagħlaq għajnejh għar-realtajiet. Huwa kompla jistaqsi jekk l-istat jistax jibqa’ jara persuni bil-kondotti tagħhom mċappsa minħabba li jkunu pejpu joint. 

Hawnhekk huwa fakkar li dawn il-persuni qed jispiċċaw b’telf ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda jew terminazzjoni ta’ impjiegi f’każ ta’ persuni impjegati diġà li jkollhom iwieġbu dwar il-kondotta tagħhom.

“Għandna Kap tal-Oppożizzjoni li bħalissa mhuwiex fil-Kamra li huwa indifferenti għal dawn ir-realtajiet. Lin-naħa l-oħra ngħabbi b’responsabbilità għax qed ikunu indifferenti għal dawk kollha li spiċċaw b’futur b’opportunitajiet limitati għax instabu ħatja mill-Qorti b’pussess ta’ joint”, kompla jelabora Abela.

Rigward il-liġi qal li ma tistax tkun fit-triq tan-nofs, jew jkollna din il-liġi jew ikollna r-renju tal-liġi tal-ġungla. Huwa semma pajjiżi bħal-Lussembrugu u l-Ġermanja li jinsabu għaddejjin b’tali diskussjonijiet dwar dawn ir-realtajiet.

Oppożizzjoni negattiva għar-realtajiet tas-soċjetà

Fakkar li sfortunatament dejjem issib lil min inissel il-biża’. Abela tkellem dwar id-dħul tad-divorzju u kif il-Ministru Tonio Fenech kien qal li l-Madonna qiegħda tibki. Fakkar dwar is-sensiela ta’ drittijiet għal persuni gay u kien hemm min qal li Jum l-Omm kien se jispiċċa. Fakkar ukoll dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF u l-Oppożizzjoni kienet qalet li din il-liġi se twassal biex jintremew il-ħajjiet u minflok inħolqu mijiet ta’ ħajjiet ġodda.

“U issa qalulna li rridu li ż-żgħażagħ iirdu jieħdu d-droga. Il-verità hija li fis-skiet għadna forzi tal-ordni li saħħew bil-kbir il-ġlieda tagħhom kontra d-droga. Seħħew l-akbar qabdiet ta’ droga ġewwa pajjiżna. Jeħtieġ li niffukkaw fuq il-kriminalità li tagħmel il-ħsara lis-soċjetà u kriminalità li tkisser in-nies mhux fuq individwi li jinqabdu b’joint”, kompla l-Prim Ministru.

“Persuna b’ammont sa 28 gramma ma jistax jiġi arrestat mingħajr suspett sod ta’ traffikar”

Il-Prim Ministru qal li dan il-gvern qed jipproponi li persuna ta’ aktar minn 18-il sena tista’ jkollha sa seba’ grammi għal użu personali.

Jekk jinqabeż l-ammont ta’ seba’ grammi, sa 28 gramma, jistgħu jittieħdu proċeduri b’piena proporzjonata b’impożizzjoni ta’ multa. Jekk persuna jkollha sa 28 gramma għall-użu personali ma tistax tiġi arrestata mingħajr suspett sod u raġonevoli ta’ traffikar ta’ droga.

Il-Prim Ministru qal li l-konsum għandu jsir b’mod responsabbli u għalhekk it-tipjip tal-kannabis ma jistax isir fil-pubbliku jew quddiem persuni minuri.

Il-Prim Ministru qal li dejjem inżamm fattur importanti quddiem għajnejhom u dan kien the harm reduction approach fejn permezz ta’ kontrolli regolati bil-liġi biex jiġi attakkat il-black market, it-traffikanti u l-pushers tad-droga.

L-Awtorità regolatorja għall-użu responsabbli tal-kannabis

Tkellem dwar il-funzjonijiet maġġuri tal-Awtorità regolatorja. Abela qal li din l-Awtorità se tkun responsabbli mir-reġistrazzjonijiet u l-permessi tal-organizzazzjonijiet, kemm jistgħu jikkoltivaw kannabis, fejn jnixxfuha u fejn u kif jistgħu jitrasportawha. 

Abela qal li b’idu fuq sidru, missier ta’ tifla żgħira, jifhem li hemm ġenituri li huma mħassbin dwar din il-liġi. Żied jgħid li huwa jifhem lil dawk il-ġenituri li qegħdin jistaqsu dwar jekk din il-liġi u l-ġlieda kontra d-droga humiex kompatibbli jew kontradittorji. Għamilha ċara li hu jifhem lil dawn il-ġenituri u għalhekk wara din il-liġi hemm ħidma ta’ għarfien dwar l-użu, l-edukazzjoni, kampanji kontra l-użu tad-droga kif ukoll ftehim ma’ għaqdiet bħalma hija l-Caritas biex ikollna qafas regolatorju sod li jibgħat messaġġ sod. 

“Il-bżonnijiet tan-nies ma jistgħux jistennew partit mifrud jipprova jsib tarf kobba mħabbla”

“Sa ftit tal-ġimgħat ilu kulħadd ħaseb li l-Oppożizzjoni kienet qiegħda tappoġġja din ir-riforma. Kellna Kap tal-Oppożizzjoni li qal li kkopjajnih u issa qaleb kollox ta’ taħt fuq u qiegħed jikkritika dan l-abbozz. X’ġara wara bibien magħluqa f’Tal-Pietà nħalli għall-immaġinazzjoni ta’ kulħadd imma kulħadd jista’ jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Kellna Oppożizzjoni li f’temp ta’ ftit jiem ħadet żewġ pożizzjonijiet fuq l-istess suġġett dimjametrikament opposti għal xulxin. L-ewwel qalet mod u ftit tal-jiem wara kompletament l-oppost u dan juri nuqqas ta’ sens ta’ tmexxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni li ma ngħidux jien biss”, kompla jgħid il-Prim Ministru filwaqt li sostna li l-Oppożizzjoni tal-lum ma tistax tiġi fdata biex tmexxi l-pajjiż minabba u-turns li qiegħda tkompli tagħmel minn jum għall-ieħor.

Abela żied jgħid li l-bżonnijiet tan-nies ma jistgħux jistennew partit mifrud jiddeċiedi li jipprova jsib tarf il-kobba mħabbla li jinsab fiha għax fuq kollox wara kull proposta mressqa hemm irġiel u nisa li batew l-istigma għax pejpu joint jew spiċċaw b’isimhom imxandra għax tressqu quddiem il-Qorti.

Abela tenna jgħid li faċli ħafna tikteb “Kun il-Bidla”, iżda qabel xejn jeħtieġ li temmen fiha u mbagħad ikollok kuraġġ li taħdem fuqha. Sostna li l-bidla tmur lil hinn minn gvern Laburista jew dak Nazzjonalista. Il-Prim Ministru temm jgħid li min-naħa tiegħu jifhem li mhux kulħadd se jasal jaqbel mal-gvern, iżda li hu żgur huwa li ma’ dan il-gvern taf fejn int, mentri kulħadd qiegħed jistaqsi u jgħid li mal-Oppożizzjoni ma jafx fejn qiegħed.

Sport