Saturday, July 6, 2024

RIFORMA LI SE TAGĦTI IKTAR IMPORTANZA LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Aqra wkoll

Il-Gvern Laburista ta’ din il-leġiżlatura se jibqa’ mfakkar fl-istorja politika għar-riformi kbar li wettaq. Riformi li biddlu għalkollox il-mod tal-għajxien tas-soċjetà Maltija. L-aħħar fis-sensiela ta’ riformi hija dik li se tagħti d-dritt liż-żgħażagħ minn 16-il sena ‘l fuq li jservu ta’ sindki jew viċi sindki tal-lokal li jikkontestaw fih.

Għalkemm nifhmu li żgħażagħ ta’ dik l-età jista’ jkunu għadhom fuq il-bankijiet tal-iskola, b’danakollu dan il-fatt m’għandu jnaqqqas xejn minn din l-opportunità li jikkontestaw l-elezzjoni tal-kunsilli lokali u b’hekk, aktar iva milli le, jitrawwem fihom aktar is-sens ta’ demokrazija.

Nemmnu li ż-żgħażagħ huma wieħed mill-aktar elementi importanti fis-soċjetà tagħna. Iż-żgħażagħ għandhom l-enerġija, id-determinazzjoni u l-ideat li jistgħu jmexxu dan il-pajjiż ‘il quddiem. Għalhekk huwa kruċjali li nagħtu liż-żgħażagħ spazju ewlieni sabiex ikomplu jkunu ta’ kontribut ewlenin fit-tfassil tal-futur politiku, soċjali u ekonomiku ta’ dan il-pajjiż.

Din l-aħħar riforma, li mistenni li tiġi diskussa fil-Parlament il-ġimgħa d-dieħla, għandha qabel xejn tittieħed f’dan il-kuntest. Nifhmu iżda li xi tip ta’ gwida jrid ikun hemm biex dawn iż-żgħażagħ ikollhom l-għarfien biżżejjed dwar il-kariga li jklunu deħlin għaliha billi anke jingħataw it-taħriġ kollu meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom bl-aħjar mod possibbli.

Ma rridux ninsew li fl-aħħar mill-aħħar dawn iż-żgħażagħ se jkunu fdati bir-responsabbilta li jmexxu l-lokalita tagħhom. Għalhekk filwaqt li nisħqu li din ir-riforma hija pass ieħor importanti sabiex iż-żgħażagħ tagħna jersqu ‘l quddiem u jikkandidaw ruħhom, jeħtieġ li jissokta l-investiment fil-ħiliet ta’ dawn l-istess individwi u dan permezz ta’ aktar għajnuna u nċentivi lill-membri eletti.

Min-naħa l-oħra, huwa tajjeb li ninnutaw ukoll li l-interess fost iż-żgħażagħ qiegħed hemm. Minn dak li qalet is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli f’kummenti ma’ dan il-ġurnal, jidher li hemm numru sabiħ ta’ żgħażagħ li huma interessati li jniżżlu isimhom fuq il-lista tal-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, li huma skedati li jsiru fi żmien tmien xhur oħra.
Dan minnu nnifsu huwa pożittiv u jawgura tajjeb għall-futur tad-demokrazija f’pajjiżna.

Inħarsu ‘l quddiem biex id-diskussjoni fil-parlament tkun waħda wiesa u matura kemm jista’ jkun u nawguraw li l-istess diskussjoni tkun pjattaforma li twassal għal ideat u suġġerimenti varji li nistennew li jkunu fl-interess nazzjonali. Dan nistqarruħ għaliex nemmnu bis-sħiħ li l-ġenerazzjoni żgħażugħa hija il-preżent u l-futur ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport