Wednesday, July 24, 2024

Jorge Vilda jinħatar coach nazzjonali tan-nisa tal-Marokk

Aqra wkoll

L-eks coach nazzjonali tan-nisa, Jorge Vilda,  inħatar il-coach ewlieni tat-team tan-nisa tal-Marokk.

Vilda wassal lil Spanja għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa fis-sajf, meta fil-finali għelbu lill-Ingilterra 1-0.

Madankollu l-istess Vilda, li għandu 42 sena, tkeċċa fi żmien xahar fost il-konsegwenzi tal-iskandlu Luis Rubiales.

Huwa se jieħu post Reynald Pedros, li fl-edizzjoni li għaddiet, għen lill-Marokk jikkwalifikaw għall-ewwel Tazza tad-Dinja tan-Nisa u ggwidahom sal-Aħħar 16, fejn tilfu kontra Franza.

“Il-Federazzjoni Rjali tal-Football Marokkina ħatret lill-coach Spanjol, is-Sur Vilda biex jikkowċja lit-team nazzjonali tal-football tan-nisa fl-istadju li jmiss,” qalet il-federazzjoni tal-football Marokkina fi stqarrija.

L-Assoċjazzjoni rringrazzjat lil Pedros għax-xogħol li wettaq, speċjalment il-kwalifikazzjoni għat-tieni round tat-Tazza tad-Dinja.

Spanja għelbet lill-Ingilterra fil-finali tat-Tazza tad-Dinja fl-20 ta’ Awwissu li għadda iżda r-rebħa ġiet mtappna mill-president tal-FA Spanjola, Luis Rubiales, wara li bies lill-attakkanta Jenni Hermoso fuq xofftejha fejn il-players saħqet li l-bewsa ma kinitx kunsenswali.

Vilda – meqjus bħala alleat mill-qrib ta’ Rubiales – qed jiġi investigat bħala parti mill-kawża kriminali kontra l-eks president tal-Federazzjoni Spanjola tal-football (RFEF), li iżda qed jiċħad akkużi ta’ fastidju sesswali u sfurzar.

Il-media Spanjola rrappurtat li Vilda qed jiġi investigat min-naħa tiegħu fl-allegat sfurzar ta’ Hermoso, li qal li saret pressjoni fuqha, fuq il-familja tagħha u fuq ħbiebha biex jiddefendu l-azzjonijiet ta’ Rubiales. 

Min-naħa tiegħu, Vilda qed jiċħad dan kollu. 

Ekonomija

Sport