Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda Liġijiet Varji dwar it-Twaqqif tal-Qorti tal-Familja, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li din ir-riforma hi maħsuba biex tolqot in-nukleu tal-familja.
“Bħala Gvern għamilna minn kollox biex dan in-nukleu nsaħħuh. Soċjetà b’saħħitha trid tfisser ukoll familja b’saħħitha,” qal il-Prim Ministru li nnota li l-aħħar darba li pajjiżna kellu riforma fis-settur tal-Qorti tal-Familja kien madwar 24 sena ilu.
Waqt li rrikonoxxa li r-riforma ta’ dak iż-żmien kienet waħda tajba fejn daħħlet il-kunċett importanti tal-medjazzjoni, il-Prim Ministru qal li nħass il-bżonn li dak il-proċess jissaħħaħ. Kien hawn fejn irrimarka li punt fundamentali ta’ din ir-riforma li qed tiġi diskussa hu li l-proċess tal-medjazzjoni se jkun qed jiġi strutturat u msaħħaħ iżjed.
Fl-istadju tal-medjazzjoni, qed ikun indirizzat b’mod dirett id-dewmien u dawk l-istanzi fejn b’abbuż, il-proċess jitwal bla bżonn. It-terminu ta’ żmien tal-medjazzjoni se jkun dak ta’ sitt sessjonijiet b’terminu massimu ta’ tmien xhur, liema terminu jista’ jiġi estiż għal perjodu massimu ta’ erba’ xhur oħra.
Il-Prim Ministru tenna wkoll li għall-ewwel darba se tinħoloq Qorti tal-Familja speċjalizzata u mhux se tkun aktar sezzjoni tal-Qorti Ċivili. Dan filwaqt li l-Qorti tal-Familja se jkollha binja għaliha.
Aspett ieħor saljenti tar-riforma hu l-introduzzjoni tal-kunċett tal-Avukat tat-Tfal li jipparteċipa waqt il-medjazzjoni. Barra minn hekk, qed ikun introdott il-kunċett ta’ co-parenting, bil-punt tat-tluq hu li t-tfal għandhom bżonn il-preżenza taż-żewġ ġenituri f’ħajjithom, li issa se jkun imbuttat f’din ir-riforma.
Il-Prim Ministru tenna jgħid li “kellna l-kuraġġ li għal darba oħra nagħmlu riforma li ma kienet faċli xejn biex tagħmilha. Din ir-riforma filwaqt li ma tista’ qatt tikkuntenta liż-żewġ naħat f’kawża qed tintroduċi sens ta’ ġustizzja li tiżgura li r-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja ssir skont kriterji stabbiliti u tara li ma jkunx hemm preġudizzji f’dawn it-tip ta’ kawżi.”



