Saturday, July 20, 2024

“Riforma li turi li qalbna tħabbat mal-ħaddiem”

Tibda tiġi diskussa l-liġi l-ġdida tal-OHSA

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

– il-Prim Ministru Robert Abela

“Qegħdin noħolqu qafas leġiżlattiv ġdid. Qafas rivoluzzjonarju biex safejn hu possibli inċidenti industrijali, inċidenti fuq il-post tax-xogħol, inaqqsu kemm jista’ jkun il-possibiltà milli jiġru.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta lbieraħ fil-Parlament bdiet tiġi diskussa l-liġi l-ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Liġi li se tkun qed tibni fuq it-tajjeb li sar f’dawn l-aħħar 20 sena filwaqt li tindirizza r-realtajiet ġodda li qiegħed jaffaċċja pajjiżna.

Il-Prim Ministru stqarr li dan il-qafas leġiżlattiv se jirregola dik li f’dan is-settur tissejjaħ iż-żamma jew il-ħolqien ta’ “a safe system of work”. “Qed nitkellmu fuq kwalità, standards dejjem tilgħin ‘il fuq. Huwa minnu li biex tkompli televa ‘l fuq dawn l-istandards, ifisser ukoll li hemm element ta’ sagrifiċċju jew inkonvenjent li min hu involut f’dawn it-tip ta’ industriji jkollu jġorr,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Huwa semma kif inċidenti sfortunatament kellna u kif irrimarkat l-inkjesta dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia diffiċli  li teliminahom għalkollox. Qal li bħala Gvern u anke bħala Parlament, xogħolhom huwa li joħolqu qafas leġiżlattiv, għodod, entitajiet attrezzati biex ikun hemm fis-seħħ sistemi li kemm jista’ jkun inaqqsu s-sogru.

Dr Abela kompla billi staqsa għal min qiegħda r-responsabbiltà. “Hi waħda mifruxa. Tibda mill-Kamra tar-Rappreżentanti li għandha l-obbligu li tilleġiżla. Għandek l-obbligi u responsabbiltajiet ta’ min iħaddem. Ir-responsabbiltajiet ta’ min jaħdem u l-klijenti ta’ ċertu proġetti li għandhom fuqhom responsabbiltajiet li jemerġu miż-żamma tas-saħħa u s-sigurtà.”

Il-Prim Ministru sostna wkoll li din hija liġi li filwaqt li tiġbor fiha t-tajjeb li kellha l-liġi preċedenti, issaħħaħ bil-ferm in-nuqqasijiet li kellha l-liġi u taġġusta għar-realtajiet tal-lum. Kien hawn fejn ta ħarsa lejn uħud mill-elementi ewlenin li jsawru din il-liġi fosthom it-tisħiħ tal-kunċett ta’ governanza tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) innifisha.

Din il-liġi l-ġdida se tkun qed twassal fost l-oħrajn għal penali iktar b’saħħithom li verament se jkunu qed jaħdmu ta’ deterrent għal dawk li s’issa kienu għadhom qegħdin jabbużaw mis-salvagwardja tas-saħħa u s-Sigurtà fuq ix-xogħol. Din tinrabat b’mod dirett mal-ħidma li qed issir biex jiżdiedu r-riżorsi umani.

Apparti minn hekk, bil-għan li jkun hemm proċess aktar effettiv u effiċjenti, din il-liġi se tkun qed tara wkoll li jiġi introdott tribunal u b’hekk jonqsu wkoll il-każijiet li jispiċċaw quddiem il-qorti.

Dr Abela temm jgħid li dak tal-lum huwa pass li qed isir fl-interess tas-soċjetà b’mod inġenerali u fl-interess tat-tisħiħ tal-ġid komuni. Pass li se jkun segwit b’enfasi fuq implimentazzjoni u infurzar effettiv.

“Riforma li hi frott ta’ tagħlimiet li ħadet is-soċjetà tul medda taż-żmien minn okkerrenzi spjaċevoli. Din hija riforma oħra minn sensiela. Żgur mhux tal-aħħar imma riforma li turi li qalbna tħabbat mal-ħaddiem.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport