Riforma Qorti tal-Familja: “Ser issaħħaħ il-parteċipazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal”

  - Il-Ministru tal-Ġustizzja

Aqra wkoll

  1. – Qed issir kritika mill-Oppożizzjoni li l-Gvern ma wettaqx riformi biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet u l-ġustizzja. Kważi saret narrattiva frekwenti u aċċettata li fuq is-Saltna tad-Dritt dan il-Gvern falla. Temmen li din kritika ġusta? U x’riformi wettaq matul is-snin Gvern Laburista fil-qasam tal-Ġustizzja?

Propju din il-ġimgħa tajt rendikont dwar il-ħidma li saret matul is-sena. Issa niġi għal dak li wettaqna, aktar tard. 

Imma ħalli nibda bil-kritika inġusta tal-Oppożizzjoni dwar il-qasam tal-Ġustizzja, fejn tidħol is-Saltna tad-Dritt.

Bħala Gvern dejjem affermajna l-impenn ta’ Malta li tkompli ssaħħaħ is-sistema tal-ġustizzja, mhux biss bħala prijorità istituzzjonali imma wkoll bħala pilastru ċentrali tas-Saltna tad-Dritt, id-Demokrazija u tal-fiduċja pubblika.

Dan għamilnieħ ukoll meta ltqajt mal-Kummissarju Ewropew għad-Demokrazija, il-Ġustizzja, l-Istat tad-Dritt u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Michael McGrath f’Ġunju li għadda.

Hawnhekk kelli l-opportunità biex nitkellem dwar il-prijoritajiet relatati mal-ġustizzja u biex niddiskuti t-triq ’il quddiem fi spirtu kostruttiv. Affermajt mill-ġdid l-impenn għal aktar riformi mmirati biex jagħmlu s-sistema tal-ġustizzja aktar effettiva, aktar aċċessibbli u f’pożizzjoni aħjar biex taqdi liċ-ċittadini, filwaqt li pajjiżna jkompli jaħdem mill-qrib mas-sħab Ewropej permezz ta’ komunikazzjoni miftuħa, kooperazzjoni u rispett kondiviż għall-valuri demokratiċi.

Madankollu rrid infakkar fir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Saltna tad-Dritt, ippubblikat lejn tmiem Lulju li għadda. Rapport li  jenfasizza l-progress sinifikanti li għamlet Malta matul l-aħħar sena fiż-żamma tas-Saltna tad-Dritt, permezz tat-tisħiħ tas-settur tal-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħarsien tal-libertà tal-midja u t-tisħiħ tal-istandards istituzzjonali kif ukoll iċ-checks and balances.

Dan mhux qed ngħidu jien, qed tgħidu l-Kummissjoni Ewropea! U jidher li l-Oppożizzjoni b’mod konvenjenti, dawn ir-rapporti tinjorahom.

Mill-perspettiva tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-implimentazzjoni kontinwa tal-Istrateġija Nazzjonali ta’ Malta Kontra l-Frodi u l-Korruzzjoni, filwaqt li tinnota li l-maġġoranza tal-miżuri ġew implimentati u li għaddej ix-xogħol dwar strateġija suċċessiva. 

Apparti dan, il-Kummissjoni nnotat ukoll iż-żieda fir-riżorsi allokati lill-Korp tal-Pulizija u lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li appoġġjaw investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ġodda f’każijiet relatati mal-korruzzjoni.

Dawn, u aktar konklużjonijiet tal-Kummissjoni, jirriflettu l-progress sostanzjali li kiseb il-Gvern matul l-aħħar snin. It-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt f’Malta jibqa’ prijorità u l-Gvern se jkompli jmexxi ’l quddiem aġenda ambizzjuża ta’ riformi permezz ta’ investiment, tisħiħ istituzzjonali u l-impenn kostruttiv ma’ msieħba Ewropej u internazzjonali.

Issa, niġi għal dak li wettaqna biex inkomplu nsaħħu l-Istituzzjonijiet u l-Ġustizzja. Se nkun konċiż, madankollu d-dettalji huma pubbliċi u jista’ jarahom kull min ma joqgħodx jilgħab bil-politika partiġġjana.

Saħħaħna r-riżorsi umani. Illum il-Ġudikatura hija magħmula minn 62 membru, b’29 Imħallef u 30 Maġistrat. F’Ġunju li għadda nħatru żewġ Maġistrati ġodda wara sejħa pubblika; din il-ġimgħa nħatru żewġ Imħallfin ġodda; ir-reklutaġġ tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għadu għaddej u bħalissa hemm 642 impjegat. Il-membri tal-Ġudikatura huma assistiti minn 50 Court Attorney u 59 Judicial Assistant.

Illum għandna żewġ Imħallfin speċifikament biex jisimgħu u jiddeċiedu tilwim kummerċjali, f’kuntest ta’ ġurisdizzjoni kummerċjali usa’; għandna erba’ Maġistrati speċifikament għal materji ċivili fil-Qrati Inferjuri; tliet Maġistrati speċifikament għal każijiet ta’ vjolenza domestika.

Il-Qrati għandhom Imħallef għall-applikazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja, inklużi proċeduri ta’ adozzjoni, erba’ Maġistrati esklussivament għall-inkjesti maġisterjali u joperaw minn Palazzo Conte, binja ddedikata għal din il-funzjoni.

Jekk tħares lejn l-infrastruttura, ġie akkwistat post ġdid f’lokazzjoni ċentrali fir-Rabat, Għawdex, biex iservi bħala l-kumpless il-ġdid tal-Qrati ta’ Għawdex. F’dik li hija l-Qorti tal-Appell Kriminali, x-xogħol strutturali fil-binja fi Strada Stretta, jinsab fi stadju avvanzat u l-binja se tipprovdi faċilitajiet dedikati għall-appelli kriminali. Umbgħad hemm il-Qorti Kummerċjali fejn qed jiġu żviluppati l-postijiet akkwistati għal Qorti Kummerċjali ddedikata. Il-permessi tal-ippjanar inħarġu u x-xogħlijiet strutturali huma mistennija jibdew dalwaqt.

Il-ħidma tagħna tkompli għaddejja, minkejja l-kritika bla bażi tal-Oppożizzjoni. Fadal xogħol xi jsir? Fadal, imma qed inkomplu naħdmu biex naraw li l-Qrati tagħna jkunu attrezzati għal kull min ikollu bżonn is-servizz tagħhom.

  1.   –  Fl-ewwel 100 jum ta’ din il-leġiżlatura inti diġà ressaqt ‘l quddiem riforma dwar il-qafas li jirregola t-Tribunali Amministrattivi Speċjalizzati. X’differenza se tagħmel din ir-riforma? Għaliex inħass li kellek tressaqha ‘l quddiem fil-bidu tal-leġiżlatura?

Iva. Din kienet riforma importanti li ħassejna li kellna naħdmu fuqha mal-ewwel. Riforma li wasslet għal  proċess aktar indipendenti, pubbliku, kompetittiv u bbażat fuq il-mertu għall-għażla tal-membri tat-tribunali.

U din importanti – b’din ir-riforma il-Gvern b’mod konxju ċeda u żvesta ruħu minn setgħa diġà mogħtija lilu bil-liġi, ta’ ħatra ta’ membri fuq tribunali amministrattivi speċjalizzati. Issa dan il-poter ingħata f’idejn Kummissjoni indipendenti magħmula minn Imħallef jew Maġistrat irtirat u minn erba’ membri oħra ta’ integrità magħrufa, u kompetenza rikonoxxuta. 

Mil-lum ’il quddiem l-għażla tal-membri tat-tribunali speċjalizzati se ssir permezz ta’ proċess pubbliku, kompetittiv u bbażat fuq il-mertu. Dan huwa wkoll riflessjoni ta’ tibdiliet fil-mod tal-ħatra tal-ġudikanti f’pajjiżna taħt amministrazzjoni ta’ dan il-Gvern, fejn qabel l-2020 dawn tal-aħħar kienu wkoll jiġu magħżula mill-eżekuttiv. 

Dan juri element ta’ kontinwità tal-ħidma tagħna.

Tajjeb li ngħid li hawn ukoll, il-Kummissjoni Venezja kienet involuta f’dan il-proċess ta’ riforma tat-tribunali speċjalizzati, b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-indipendenza, l-imparzjalità u l-integrità.

Kien hemm ukoll riforma oħra biex komplejna nsaħħu l-aċċess għall-ġustizzja u l-kontabilità fil-ġudizzju tal-Avukat Ġenerali, meta b’deċiżjoni konxja, l-Avukat Ġenerali jiddeċiedi li ma ssirx prosekuzzjoni – deċiżjoni li tista’ ssir skont il-liġi kriminali ta’ pajjiżna.

  1. – Minn din il-ġimgħa daħlet fis-seħħ riforma oħra importanti: Ir-Riforma fil-Qorti tal-Familja. X’differenza reali se tagħmel din ir-riforma lit-tfal u lill-ġenituri?

Dan huwa pass importanti fl-impenn tal-Gvern biex joħloq sistema ta’ ġustizzja tal-familja aktar iffukata fuq it-tfal, aktar aċċessibbli, aktar effiċjenti u aktar sensittiva għall-ħtiġijiet tal-familji. 

Ir-riforma tintroduċi qafas proċedurali ġdid maħsub biex jilħaq bilanċ legali bejn il-protezzjoni fl-aħjar interessi tat-tfal, il-ħolqien tal-istrutturi u r-rwoli professjonali meħtieġa biex jiġi garantit servizz ta’ kwalità għolja, u l-introduzzjoni ta’ proċeduri u termini aktar ċari ħalli titjieb l-effiċjenza tal-proċeduri tal-familja.

Mill-1 ta’ Ottubru 2026 il-maġġoranza tar-Regolamenti tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Familja 2026 u l-Att tal-2026 li jemenda diversi liġijiet relatati mal-Istabbiliment tal-Qorti tal-Familja, daħlu fis-seħħ. Dawn id-dispożizzjonijiet jintroduċu riformi sostanzjali fil-mod kif jitmexxew il-proċedimenti tal-familja.

Mhux se nidħol fid-dettalji, li huma elenkati fid-dettal fil-Gazzetta tal-Gvern. 

Imma tajjeb li ngħid li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tqiegħed lit-tfal fiċ-ċentru tas-sistema tal-ġustizzja tal-familja billi ssaħħaħ kemm il-parteċipazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni tagħhom matul il-proċedimenti tal-familja. Din tintroduċi proċeduri aktar ċari u salvagwardji aktar b’saħħithom biex jiġi żgurat li l-vuċi tat-tfal u l-aħjar interessi tagħhom ikunu rappreżentati b’mod effettiv.

Din mhix sempliċiment bidla fil-liġi, imma bidla fil-mod kif irridu li taħdem il-ġustizzja tal-familja: aktar umana, aktar aċċessibbli u dejjem mibnija madwar l-aħjar interess tat-tfal. Il-Gvern se jkompli jibni fuq din ir-riforma billi beda x-xogħol fuq fażi oħra tar-riforma li se tkun qed tħares lejn il-Qorti Kriminali li tisma’ l-każijiet tal-familja.

Il-maġġoranza tal-pakkett ta’ riformi huma operattivi mill-1 ta’ Ottubru 2026, filwaqt li ċerti dispożizzjonijiet jidħlu fis-seħħ f’data aktar tard.

  1.   – Temmen li l-Qrati huma attrezzati biżżejjed biex jindirizzaw ir-realtajiet tal-lum, bħall-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali f’reati?

Din ukoll hija ħidma li ilha li bdiet u qed inkomplu nsaħħuha. 

L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati qed tiżviluppa Court Services Management Information System (CMIS) ġdid biex timmodernizza l-amministrazzjoni tal-Qrati u tissimplifika l-proċessi.

Bħala parti minn dan il-proġett, qed isir mapping komprensiv tal-proċessi amministrattivi kollha, bil-għan li l-proċessi attwali jiġu analizzati u ddisinjati mill-ġdid qabel jiġu integrati fil-pjattaforma diġitali. Proġett ieħor jinsab fl-aħħar stadji biex dokumentazzjoni minn banek u entitajiet oħra tkun tista’ tiġi sottomessa elettronikament minflok f’format stampat.

Irrid insemmi li qed tiġi żviluppata wkoll sistema għad-diġitalizzazzjoni tal-mandati ta’ sekwestru, biex dawn jintbagħtu elettronikament lill-banek u istituzzjonijiet finanzjarji immedjatament wara d-digriet tal-Qorti. Se jiġu introdotti electronic notice boards fil-Qrati biex avviżi u dokumenti jiġu ppubblikati b’mod diġitali.

  1.   –  Qed issir kritika fir-rigward tas-sistema tal-ġurijiet u l-użu tal-ġurati fid-dawl tal-verdett tal-ġuri tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek?

Ħa nkun ċar. Huwa leġittimu li, wara kull każ, issir diskussjoni dwar is-sistema tal-ġurijiet u dwar jekk hemmx aspetti tagħha li jistgħu jkomplu jitjiebu. Imma hawnhekk wieħed irid jagħmel distinzjoni ċara bejn diskussjoni dwar kif sistema tista’ tevolvi u konklużjoni li s-sistema kollha ma taħdimx, sempliċiment għaliex ikun hemm nuqqas ta’ qbil ma’ verdett partikolari.

Bħala Ministru għall-Ġustizzja nemmen li kull diskussjoni dwar tibdil fis-sistema għandha ssir b’mod serju, responsabbli u b’rispett sħiħ lejn l-indipendenza tal-Qrati, is-saltna tad-dritt u l-proċessi stabbiliti bil-liġi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport