Fil-Gazzetta tal-Gvern, nhar it-Tlieta li għadda ġew ippubblikati r-regolamenti l-ġodda dwar il-liċenzjar tal-bennejja, li daħlu bħala Liġi Sussidjarja taħt il-Kapitolu 623, li jistabbilixxi l-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni. Dan il-qasam tal-bennejja kien ilu ma jiġi riformat b’mod sinifikanti għal aktar min 100 sena.
F’laqgħa ta’ informazzjoni għall-ġurnalisti, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ta spjega dwar x’se jkunu qegħdin jinkludu dawn ir-regolamenti ġodda, filwaqt li fisser dan bħala pass ieħor li jikkonferma l-impenn ta’ dan il-Gvern li jirriforma dan is-settur, b’konformità mal-Manifest Elettorali kif ukoll mal-inkjesta pubblika dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia.
Is-sena li għaddiet kienet varata konsultazzjoni pubblika dwar dawn ir-regolamenti u sar ukoll “reach out” mal-istakeholders ewlenin. B’dawn ir-regolamenti qed ikomplu jiġu konsolidati u jinġabru liġijiet u regolamenti f’liġi waħda komprensiva.
L-iżjed żewġ artikli fundamentali fir-rigward tar-regolamenti tal-Bennejja f’kapitolu 10 kienu biss jiddefinixxu l-professjoni tal-Bennej filwaqt li jipprovdu s-setgħa għall-ħruġ tal-liċenzja li kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-direttur tax-xogħlijiet pubbliċi.
Biex tassew ikun hemm ġabra sħiħa ta’ dawn il-liġijiet, il-Ministru Attard sostna li ma setax jitħalla li tali liċenzja tibqa’ tgħajjat lid-Direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi u għalhekk skatta l-proċess biex l-istess liċenzja tibda tinħareġ mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.
Ġie nnutat ukoll kif il-bennej tal-lum m’għadux dak il-persuna tas-sengħa tradizzjonali biss. Għaldaqstant dan wassal biex id-definizzjoni ta’ Bennej, jew aħjar bennej liċenzjat, tirrifletti n-neċessitajiet u l-aspettattivi jew l-istandards li llum Bennej liċenzjat huwa rikjest li jaħdem fihom.
Introdotti kunċetti ġodda
Il-Ministru Attard kompla jgħid li b’differenza mill-artikoli ta’ kapitlu 10 dan ir-regolament qiegħed jipprovdi linja gwida ċara tar-responsabbilitajiet u d-dmirijiet tal-Bennej professjonist jew Bennej liċenzjat, il-metodu kif wieħed jista’ japplika għal-liċenzja.
Il-liġi se tipprovdi għal struttura ta’ Kumitat ġdid li l-funzjoni u l-proċeduri tiegħu ġew definiti f’sens li mhux se jibqa’ biss sempliċiment ta’ eżaminatur li joħroġ il-liċenzja, iżda se jkollu funzjoni aktar wiesgħa. Dan il-Kumitat se jkun qiegħed jimplimenta proċedura ġdida sabiex jiġi mfassal mill-ġdid l-eżami tal-istess liċenzja.
Se jkun qiegħed ukoll iżomm reġistri tal-Bennejja kif ukoll jabbozza rapporti u jressaq suġġerimenti lill-bord tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni u policies interni.
B’dawn ir-regolamenti qed ikun introdott il-kunċett tal-eżami bil-fomm li permezz tiegħu se jingħata nifs ġdid lil dawk il-persuni li jħossuhom aktar komdi jagħmlu l-eżami b’dan il-mod aktar milli bil-kitba.
Għall-ewwel darba wkoll qed ikun introdott deterrent fuq dawk li b’xi mod jew ieħor jonqsu mill-obbligi legali tagħhom. Id-deterrent huwa maqsum fuq żewġ binarji, dak kriminali u kif ukoll dak amministrattiv.
Reati bħal xogħol mingħajr liċenzja valida jew ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja jistgħu jwasslu għal multi sa €2,000, b’multi ta’ kuljum għal ksur kontinwu u sospensjoni jew revoka potenzjali ta’ liċenzji għal ksur serju.
F’każ ta’ dikjarazzjonijiet foloz b’rabta mal-liċenzja jista’ jwassaal għal multi sinifikanti u riperkussjonijiet legali addizzjonali, li jenfasizza l-importanza tal-integrità fil-proċess.
Persuna tista’ ma titressaqx il-Qorti jekk taċċetta r-responsabilità għall-ksur ta’ dawn ir-regolamenti, tħallas penali u timplimenta kwalunkwe miżura rimedjali li tista’ tiġi ordnata mill-Awtorità.
Linji gwida tal-ħiliet meħtieġa
Inħarġu wkoll linji gwida dwar il-ħiliet li persuna li se tpoġġi għall-eżami tal-liċenzja tal-Bennejja jeħtieġ li jkun kompetenti fiha. Linji gwida li jistgħu jiġu emendati u aġġornati biex jirriflettu s-settur minn żmien għal żmien.
Dawn il-linji gwida ma jitrattawx biss kif Bennej għandu jibni iżda wkoll dak kollu relatat mal-ħidma tiegħu, inklużi s-salvagwardja tas-saħħa u s-sigurtà.
Applikazzjoni u tiġdid ta’ liċenzja
Il-liċenzja għandha tkun valida għal perjodu ta’ sentejn mid-data li fiha tkun inħarġet u għandha tkun sa mhux aktar tard minn 90 jum qabel id-data ta’ skadenza tal-liċenzja valida.
Dawk kollha li għandhom liċenzja validamaħruġa taħt il-Kapitolu 10 jistgħu jibqgħu jaħdmu b’din il-liċenzja sal-aħħar ta’ din is-sena. Sa 90 jum qabel tiskadi l-liċenzja, dak li jkun għandu japplika mal-Awtorità sabiex iġedded din l-istess liċenzja.
Applikant li jixtieq ipoġġi għal-liċenzja tal-bennej jeħtieġ li jkollu:
– ‘il fuq minn 18-il sena u jkun ċittadin ta’ Malta jew ta’ stat membru ieħor jew ikun xort’oħra awtorizzat li jaħdem f’Malta;
– ikollu fil-pussess tiegħu ċertifikat ta’ kwalifika jew kompetenza fil-qasam tal-bini u l-kostruzzjoni; u
– ikun ta’ reputazzjoni u kondotta tajba.
“Pass ieħor lejn il-kelma tagħna li nirriformaw u nirristrutturaw is-settur gradwalment”
Il-Ministru Attard temm jgħid li dan tal-lum huwa l-ewwel pass biex ikompli jiġi regolarizzat dan is-settur hekk kif bil-ħruġ tal-liċenzji tal-Bennejja se jkunu qegħdin iwittu t-triq għall-ħruġ tal-liċenzjar tal-kuntratturi li se jkunu jifforma wkoll parti minn din il-katina ta’ servizzi
“Il-liċenzja ta’ Bennej hija waħda mir-rekwiżiti sabiex dak li jkun ikun jista’ jakkwista l-liċenzja ta’ kuntrattur. Nemmen li dan ir-regolament huwa skaluna oħra li qegħdin nitilgħu fis-sellum li jirrappreżenta settur regolarizzat u ffukat primarjament fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħiliet imma li mhuwiex se jippermetti lok ta’ abbuż b’deterrent għas-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema jew ċittadini ġenerali,” temm jgħid il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni.