Sunday, December 22, 2024

RIFORMA STORIKA OĦRA FIS-SETTUR TAX-XOGĦOL F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Kif kien tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, kompliet titwettaq riforma sinjifikanti oħra fis-settur tax-xogħol f’pajjiżna. Din ir-riforma hija intenzjonata biex tnaqqas kemm jista’ jkun l-abbużi li kienu qed isiru fir-reklutaġġ ta’ ħaddiema barranin.

Fil-fatt, nieħdu gost ninnutaw li ġew illiċenzjati l-ewwel 34 aġenzija tax-xogħol, magħrufa bħala temping agencies sabiex dan is-settur ikun regolat u konformi mal-liġijiet il-ġodda li ddaħħlu fis-seħħ fil-bidu ta’ din is-sena u li se jibdew jiġu infurzati mill-1 ta’ Ġunju li ġej.

Il-liċenzjar ta’ dawn l-aġenziji tqis mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul bħala mument storiku għas-settur tax-xogħol f’Malta, kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali tal-2022.

Dawn l-aġenziji tax-xogħol jopera f’diversi setturi ekonomiċi li m’hemmx ħaddiema Maltin biżżejjed biex jidħlu għal dawn l-impjiegi, fosthom fil-qasam tas-saħħa, f’xogħol amministrattiv, f’xogħol ta’ tindif, f’oqsma fil-qasam tal-ospitalità, f’servizzi tekniċi ta’ sapport u anki dawk ta’ reklutaġġ ta’ ħaddiema professjonisti f’oqsma differenti.

Konvinti li b’din ir-riforma u bil-liċenzjar ta’ dawn l-aġenziji, l-awtoritajiet se jkollhom għall-ewwel darba għarfien ta’ x’ikun qed jiġri f’dan il-qasam u min huma l-operaturi kollha fis-settur b’mod partikolari l-ħaddiema barranin li huma rreġistrati magħhom.

Nemmnu wkoll illi dawn il-liċenzji se jwasslu wkoll biex jiġu lejn pajjiżna biss dawk il-ħaddiema li jkunu meħtieġa u kwalifikati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali. B’dan il-mod nemmnu li se jiġi aċċertat li ma jkun hemm ebda abbuż fuq dawn il-ħaddiem.

Ninsistu li dawn il-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet ta’ xogħol tajbin sabiex minbarra li jiġu evitati l-abbużi ta’ dawn il-ħaddiema, ma jibqax tinħoloq kompetizzjoni inġusta mal-ħaddiema Maltin. Dan qed ngħiduh għaliex konna naraw każi fejn ħaddiema barranin kienu jitħallsu pagi baxxi meta kkumparat ma’ dawk tal-Maltin.

Għalhekk, b’din ir-riforma, inħolqu regolamenti li mhux biss se jgħin biex ikunu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema b’mod iktar tanġibbli, iżda wkoll se jgħin lill-aġenziji tax-xogħol, fl-operat tagħhom b’qafas regolatorju iktar b’saħħtu u robust.

Ekonomija

Sport