Wednesday, July 24, 2024

“Ma niddejjaq qatt ngħid li jien soċjalist”

- Jesmond Marshall, kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-PE

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’attività politika f’Ħal Luqa, il-Kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Jesmond Marshall iddikjara li huwa twieled, jgħix u se jmut ta’ soċjalista, tant li qatt ma ddejjaq jgħid li huwa soċjalista.

Marshall saħaq li rrispettivament ikunx elett jew le, li hu żgur hu li se jkompli jgħin lil kull min jiġi għandu. “Qatt ma ħarist lejn kulur. Dan jista’ jaħilfu kull min ġie quddiemi,” huwa żied jgħid.

Qal li diġà għaddew sitt xhur minn meta aċċetta li jkun kandidat għall-elezzjonijiet tal-PE f’isem il-Partit Laburista u f’dan iż-żmien għamel affarijiet li qatt ma kien jobsor li se jagħmel qabel.

“Ħadt sehem f’kamp politiku. Imma l-aktar li tani sodisfazzjon kien li ltqajt mal-Maltin u l-Għawdxin fi djarhom. Hemm tinduna l-poplu x’irid. Jiena qabel l-2013 kont nitla Brussell. Dejjem ħdimt favur Malta. Qatt ma ħdimt kontra pajjiżi. Dak għaliex għalija Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox,” tenna Marshall.

Huwa semma wkoll kif nhar it-8 ta’ Ġunju li ġej għandna għażla quddiemna. Partit Laburista immexxi minn Dr Robert Abela bħala Prim Ministru jew Partit Nazzjonalista li stqarr li ma jafx min hu eżattament il-kap tiegħu. Qal li fit-8 ta’ Ġunju rridu nivvutaw lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista kemm dawk li se jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-PE kif ukoll dawk tal-Kunsilli Lokali.

Fid-diskors tiegħu, Marshall fakkar ukoll il-memorja tat-trejdunjonista, l-eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Tony Zarb, li ħalla din id-dinja bħall-bieraħ sentejn. “Persważ li qiegħed hawn fostna fl-ispirtu. Tony Zarb għallimni ħafna. Minn qalbi nsellimlek u grazzi tal-pariri li dejjem tajtni u għadni ngħożż sal-lum.”

Ekonomija

Sport