Wednesday, July 24, 2024

“Il-kisbiet ta’ dan il-pajjiż huma l-kisbiet tagħkom”

- il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

“Dan il-pajjiż se jibqa’ suċċess bis-saħħa tagħkom li tajtu s-saħħa lil dan il-partit li min-naħa tiegħu dejjem żamm kelmtu magħkom. Illum ħarġu l-ewwel riżultati ta’ tkabbir ekonomiku għal din is-sena, fejn fl-ewwel tlett xhur tas-sena pajjiżna kiber b’rata fenomenali. Dik hija s-saħħa tal-pajjiż tagħna, dik hija s-saħħa tagħkom. Dak huwa riżultat tal-bżulija tagħkom. Il-kisbiet ta’ dan il-pajjiż huma l-kisbiet tagħkom.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza attività politika f’Ħal Luqa.

Dr Abela kompla li pajjiżna kellhu l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, tkabbir ta’ 12-il darba il-medja Ewropea. Madanakollu saħaq li t-tkabbir ekonomiku mhuwiex il-wasla iżda l-punt tat-tluq biex mbagħad b’dak il-ġid li jiġi mit-tkabbir ekonomiku jinvestu fil-poplu, fl-ambjent, fl-infrastruttura, fis-saħħa u fl-edukazzjoni. Tenna li għal kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, pajjiżna se jibqa’ miexi ’l quddiem għaliex għandna pjan ċar ta’ elf proposta li jridu jsiru elf kisba. “Dan huwa l-aktar pjan ta’ Gvern ambizzjuż fl-istorja ta’ pajjiżna. Sakemm nibqgħu magħqudin xejn ma jwaqqafna milli nwettquhom,” saħaq Dr Abela.

Semma wkoll li l-establishment, li jemmnu li għandhom xi dritt divin għall-poter, qatt ma fehmu li l-poplu jiddeċiedi dak li jsir f’pajjiżna. Saħaq li għal kuntrarju li jaħsbu l-establishment, f’dan il-pajjiż isir dak li jrid il-poplu.

Dr Abela tenna li bil-vot tat-8 ta’ Ġunju l-poplu se jiddeċiedi jekk jridx Ewropa ta’ paċi jew Ewropa ta’ gwerra, jekk jridx lokalitajiet b’kunsilli li jimbottaw pjan favur ir-residenti jew kunsilli li jimbottaw l-aġenda tagħhom.

Il-poplu għandu s-saħħa li jiddeċiedi wkoll nibqgħux mexjin ’il quddiem jew jekk inreġgħux l-arloġġ lura. “Titilfux iċ-ċans li ssemmgħu leħinkom. Agħtu mill-ġdid sinjal ċar li intom sovrani. Agħtu mill-ġdid sinjal tal-qawwa tal-moviment tagħna. Is-saħħa f’idejkom,” temm jgħid Dr Robert Abela.
 

Ekonomija

Sport