Thursday, December 26, 2024

RIFORMI BIEX PERSUNI B’DIŻABBILTÀ JIBNU KARRIERI

Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

L-esperjenzi li ngħixu ta’ kuljum kull wieħed u waħda minna juruna li dak li lbieraħ kien ikopri s-sitwazzjoni partikolari llum m’għadux japplika daqstant. Illum irid jiġi riformat anke jekk tistaqsi lilek innifsek ‘allura lbieraħ kif kont għaddejja?’ L-avvanzi li qegħdin nesperjenzaw f’kull settur tal-ħajja rridu nkunu paripassu magħhom għax inkella ninqabdu lura. U meta ninqabdu lura nkunu qegħdin nitpoġġew fi żvantaġġ.

Huwa għalhekk irridu nkunu u aħna Gvern riformista. Għalhekk aħna Gvern li lest ibiddel biex itejjeb, anke jekk fil-bidu jista’ jidher li qed jistona mas-sistema li nkunu mdorrijin biha. Tħares lejn id-Diskors tal-Baġit għas-sena 2023 u ssegwi d-dibattiti li għaddejjin dwaru fil-Parlament faċilment tinduna kemm aħna Gvern li jinsab determinat li jkompli jirriforma f’kull qasam tal-ħajja. Ikompli jġedded u jiġġedded.

Nhar l-Erbgħa li għadda fil-Parlament iddiskutejna l-Estimi Finanzjarji allokati lill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur li b’sodisfazzjon għalih ninsab responsabbli jien. Ġew allokati għal dan il-Ministeru €56 miljun. Anke hawn qegħdin inkunu riformisti, fosthom fil-qasam tad-diżabilità.

Irrid insemmi kif Awwissu ta’ din is-sena kien wieħed storiku għax fih pajjiżna rreġistra l-akbar numru ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol, total ta’ aktar minn 3,500 persuna. 

Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 321 persuna meta mqabbel mal-istess perjodu fl-elfejn wieħed u għoxrin, u żieda ta’ aktar minn 2,517 persuna meta mqabbel maċ-ċifri taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.

Dan seta’ jkun possibbli għar-riformi u proġetti li għamilna biex persuni b’diżabilità mhux biss jidħlu fid-dinja tax-xogħol iżda jibnu karriera.

Qegħdin niddiskutu riformi maħsubin biex iwasslu għal sistema elettorali aktar aċċessibbli minn dik li għandna sal-lum. Qegħdin niddiskutu dwar kif nistgħu nesploraw modi dwar kif fl-elezzjonijiet it-teknoloġija assistiva tista’ tgħin aktar lill-persuni b’diżabilità. Sal-lum konna moqdijin. 

Fi ftit tax-xhur oħra se nkunu qed niftħu dar għall-persuni b’diżabilità fil-Qrendi. Din id-dar se tkun qed tilqa’ disa’ persuni b’investiment totali ta’ €1.53 miljun. 

Naqsam magħkom ukoll l-aħbar li daħlet proprju jumejn ilu, investiment ta’ kważi €1.4 miljun f’Ħal Kirkop, li issa l-permessi li ħarġu u tenders li ġew analizzati se jkun qiegħed jibda l-ewwel xogħol.

M’għandna niddejqu qatt nirriformaw biex inkunu moqdijin aħjar. Aktar u aktar meta tali riformi jkunu qegħdin jagħtu aktar sens ta’ indipendenza lill-individwu, hi x’inhi l-kundizzjoni fiżika tiegħu. Indipendenza bħal din tkompli tkattar u ssaħħaħ il-kunċett sagrosant għalina, il-kunċett tal-inklużjoni, biex ħadd ma jħossu inqas minn ħaddieħor.

Hekk dejjem ħdimna, hekk qegħdin naħdmu u hekk se nkomplu naħdmu.

Servizz Bi Tbissima

‘Servizz Bi Tbissima’ huwa l-isem ta’ kompetizzjoni organizzata mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA). Kompetizzjoni bażata kompletament fuq kif il-konsumatur, il-klijent, iħares lejn is-servizz li jkun qed iħallas għalih, indipendentement jekk hux qed jixtri prodott jew litteralment jingħata servizz. 

Il-qofol ta’ din il-kompetizzjoni hija r-relazzjoni bejn min jipprovdi s-servizz u l-klijent.

Nhar il-Erbgħa ppresedejt iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni tal-premjijiet lill-kumpaniji/ditti li rebħu s-seba’ edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni. L-għażla ta’ min kellhom ikunu r-rebbieħa kienet totalment f’idejn il-konsumaturi. Kienu l-konsumaturi li vvutaw. Kien hemm ħames kategoriji differenti li għalihom kien hemm in-nominazzjonijiet. Ivvutaw aktar minn 18,000 konsumatur, żieda ta’ madwar 10,000 vot iżjed minn kemm ivvutaw is-sena li għaddiet.

Dawn huma ċifri li għandhom jistimulaw liż-żewġ naħat. Kemm lill-kumpaniji kif ukoll lill-konsumaturi. Għandhom jixprunaw lill-kumpaniji nominati kollha biex ikomplu jtejbu s-servizzi offruti filwaqt li l-konsumatur qed ikompli jiġi xprunat biex jagħti sehmu għax eventwalment qed jitpoġġa wkoll fiċ-ċentru tal-operat ta’ min jipprovdi s-servizz.

Ekonomija

Sport