Monday, April 29, 2024

“Grazzi Nard”… diqa fost il-Koppini wara l-inċident fil-kamra tan-nar

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-komunità Koppina tinsab f’luttu wara l-mewt ta’ Leonard Camilleri, magħruf bħala Nardu, li tilef ħajtu traġikament kmieni s-Sibt filgħodu wara splużjoni fil-Kamra tan-Nar San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop, li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Misraħ Ħlantun. 

Nardu, li kellu 64 sena, kien magħruf sew għall-imħabba u d-dedikazzjoni li kellu għax-xogħol tan-nar. Dan is-sit mar Ħal Kirkop fejn kienet tinħass sew id-diqa fost ir-residenti għat-telfa ta’ wieħed minn fosthom. 

Stajna ninnotaw ukoll li l-bnadar fuq il-każini rispettivi tniżżlu mezz asta b’sinjal ta’ rispett lejn Nardu Camilleri u l-ħidma tiegħu, filwaqt li twaħħal ukoll strixxun quddiem is-sede tas-Soċjetà Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop li kien jaqra “Grazzi Nard.” 

Dan is-sit tkellem mal-President tas-Soċjetà, Simon Attard li qal li jinsab maħsud b’dak li ġara filwaqt li ddeskriva lil Nardu bħala “raġel kwiet, tal-affari tiegħu u ta’ ftit kliem.” Huwa rringrazzja lill-għaqdiet kollha, inkluż dawk mużikali u tan-nar, li wrew is-sogħba tagħhom f’dan il-mument.

Fuq il-post fejn seħħet l-isplużjoni, matul il-jum tal-Ħadd, kien għad hemm uffiċjali tal-pulizija, ambulanza u anke membri tal-protezzjoni ċivili, li komplew bil-ħidma tagħhom għalkemm it-temp ma tantx għen u xekkel xi ftit minn din l-istess ħidma. 

Sadanittant, ħareġ mill-Isptar Mater Dei Leonard Bartolo, wieħed mill-irġiel li ndarbu fl-isplużjoni tas-Sibt. F’kitba fuq Facebook, wara li ġie rilaxxat mill-Isptar, Bartolo, li għandu 45 sena u huwa residenti Ħal Kirkop, qal li jinsab iddispjaċut ħafna “bit-telfa tal-ħabib kbir tiegħu Leonard Camilleri”. 

Huwa rringrazzja lil dawk kollha li ċemplulu jew bagħtulu xi messaġġi fejn awgurawlu fejqan ta’ malajr u lill-ħaddiema kollha li filgħodu kienu xogħol u ħadu ħsiebu f’dan il-mument ta’ ħasda kbira. 

Fl-istess inċident, żewġt irġiel ta’ 63 sena u 72 sena residenti ż-Żurrieq li kienu qed jagħdmu l-għelieqi fil-viċin kellhom jittieħdu wkoll l-isptar, b’tal-ewwel iweġġa’ ħafif filwaqt li l-ieħor ma sofra l-ebda ġrieħi.

L-inkjesta dwar dan l-inċident għadha għaddejja.

Sport