Sunday, December 22, 2024

Riformi leġislattivi favur standards ogħla – il-Ministru Attard fil-ftuħ tal-Malta Property Show Expo

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ta bidu għall-Malta Property Show – Expo ta’ għaxart ijiem imtella’ b’kollaborazzjoni bejn il-Malta Developers Association u Check Your Traders.

Fl-introduzzjoni tiegħu l-Ministru Attard qal li dan l-avveniment ikompli jikkonferma r-reżiljenza, is-saħħa u l-potenzjal tas-suq tal-proprjetà. Dan filwaqt li jservi ta’ opportunità ta’ promozzjoni ta’ prattiċi li jagħtu prijorità lill-innovazzjoni, il-funzjonalità u s-sostenibbiltà.

Il-Ministru Attard tkellem fuq l-importanza soċjali tas-suq tal-proprjetà u s-settur tal-kostruzzjoni u kif dawn l-oqsma huma interkonnessi mal-bqija tal-ekonomija.

“Nemmen li kulħadd jirrikonoxxi li s-suq tal-proprjetà u l-kostruzzjoni huma żewġ setturi interkonnessi ma’ diversi oqsma u aspetti oħra fosthom l-aspett soċjali u l-kwalità tal-ħajja,” kompla l-Ministru Attard.

Il-Ministru Attard fakkar dwar l-impenn tal-Gvern li mhux biss jibqa’ jkun ta’ spalla għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor imissu ma’ dawn is-setturi fosthom b’inċentivi u skemi li kulma jmur qed jiżdiedu, imma anke b’deċiżjonijiet leġislattivi importanti.

Hawnhekk huwa rrefera għall-abbozz ta’ liġi li t-Tnejn li għadda ġie approvat fi stadju tat-tieni qari u li se jkun qiegħed iwassal għat-twaqqif ta’ Aġenzija tas-Suq tal-Proprjetà li l-għan aħħari tagħha huwa li toffri serħan il-moħħ li pajjiżna għandu persuni liċenzjati li jistgħu jagħtu valur lill-proċess tat-tranżazzjoni.

Fil-jiem li ġejjin il-Ministru Attard se jkun qiegħed jersaq fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż bit-tieni stadju ta’ diskussjoni parlamentari u fil-Kumitat bl-Att ġdid dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att, kien jinħtieġ li ssir riforma biex pajjiżna jkun f’pożizzjoni li jaffaċċja b’mod aktar effettiv l-isfidi tal-lum u tal-ġejjieni.

Il-Ministru Attard tkellem ukoll dwar il-ħidma li għaddejja biex ikomplu jiġu aġġornati r-regolamenti marbuta mal-għoti tal-liċenzji tal-bennejja u l-kuntratturi biex jitkompla l-proċess marbut mal-ħruġ tal-liċenzji rispettivi, b’intenzjoni waħda ċara li jkompli jogħla l-istandard fis-settur.

Il-Ministru rrikonoxxa l-impenn tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u dik Tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) biex fuq kollox tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejniethom bil-għan li jżidu l-effiċjenza fost l-oħrajn fil-ħarsien tas-sigurtà tal-ħaddiema u terzi li jistgħu jkunu affettwati minn xogħlijiet tal-kostruzzjoni.

“Il-Gvern huwa impenjat li jappoġġja u jiffaċilita l-iżvilupp sostenibbli f’dawn l-industriji, u jiżgura li nkomplu nattiraw l-investiment, noħolqu l-impjiegi, u nikkontribwixxu ekonomikament. Jeħtieġ li kulħadd ikun miftuħ għal bidliet u riformi li jibnu fuq is-suċċess miksub, iħaddnu teknoloġiji ġodda u jippromwovu l-ogħla standards ta’ kwalità u sostenibbiltà,” temm il-Ministru Attard.

Indirizzaw lil dawk preżenti wkoll is-Segretarja Ġenerali tat-taqsima tal-Kummerċjanti fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Iżvilupp (MDA) Claire Psaila Costantino, l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) Roderick Bonnici u s-Senior Manager fi ħdan l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) Romina Rieck Zahra.

Ekonomija

Sport